Il-Papa Franġisku, waqt żjara qasira fl-Ungerija, wissa li t-theddida tal-anti-Sermitiżmu għadha qed ‘tbaqbaq’ fl-Ewropa u bnadi oħra.
Hu qal dan wara laqgħat li kellu f’Budapest mal-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban — magħruf bħala politiku populista li hu wkoll kontra l-immigrazzjoni – u meta l-Papa u Orban għandhom differenzi kbar dwar l-issue tar-refuġjati.
Din hi l-ewwel mawra tal-Papa barra l-Vatikan mindu għadda minn operazzjoni aktar kmieni matul is-sena.
Min-naħa tiegħu, Victor Orban fisser il-kummenti anti-Semitiċi li hu qed ikun akkużat dwarhom bħala ‘sempliċiment redikoli’. U waqt messaġġ fuq Facebook, Orban qal li kien talab lill-Papa Franġisku ‘biex ma jippermettix il-qerda tal-Ungerija Kristjana’.
Il-laqgħa tal-Papa ma’ Orban damet għal 40 minuta fil-Mużew għall-Arti prinċipali ta’ Budapest.
Fid-diskors li għamel wara lill-mexxejja Kristjani u tal-Lhud, il-Papa qal ukoll li ‘ma nistgħux nippermettu li n-niċċa tal-anti-Semitiżmu fl-Ewropa tkompli taqbad’. Hu kompla li l-aħjar mod biex it-theddida tonqos ‘hu permezz ta’ sforz kollettiv, flimkien ma’ ħidma aktar determinata lejn sens ta’ fraternità’ fl-Ewropa u bnadi oħra tad-dinja.’
L-Ungerija għandha komunità kbira tal-Lhud u l-Prim Ministru Orban kien ikkritikat għall-kampanja elettorali tal-2017 li kienet tinkludi posters tal-famuż finanzjatur Lhudi George Soros, bil-kliem ‘Ejja ma nħallux li Soros ikollu l-aħħar daħka’. Intant, Orban kien irrifjuta s-sejħiet tal-membri tal-komunità tal-Lhud biex jitneħħew dawk il-posters.
Sadanittant, Orban baqa’ jirrifjuta għal sentimenti anti-Semitiċi, fejn qal li Soros hu ‘sempliċiment rivali li hu favur il-movimenti tal-immigranti’.
Uħud mis-sostenituri ta’ Orban u sezzjonijiet tal-istampa Ungeriża, fil-passat, ikkritikaw lill-Papa bħala ‘anti-Kristjan’ minħabba d-diskorsi tiegħu biex tingħata għajnuna lir-refuġjati.
Il-Papa hu anki magħruf għall-kritika tiegħu lill-mexxejja politiċi li pruvaw itellgħu l-ħitan mal-fruntieri biex iħallu barra lill-immigranti.
Sadanittant, il-Papa, issa,, iċċelebra l-quddies f’Budapest fejn immarka t-tmiem tal-Kungress Ewkaristiku li fl-aħħar ġimgħa attira għexieren ta’ eluf ta’ Kristjani minn madwar id-dinja. Iż-żjara tiegħu fl-Ungerija mistennija ddum biss għal sigħat u meta hu qed jippjana diġà għal żjara fis-Slovakkja li għandha ddum għal tlett ijiem.
Il-fatt li ż-żjara tal-Papa fl-Ungerija kellha ddum daqshekk fil-qasir qajjem spekulazzjoni dwar ‘is-sinjali li ried jibgħat il-Kap tal-Kattoliċi’.
Dan waqt li l-Vatikan fisser iż-żjara fl-Ungerija bħala ‘żjara spiritwali’ waqt li Orban qal li ‘wieħed mgħandux jipparaguna l-programm tal-Papa fl-Ungerija maż-żjara fis-Slovakkja.’
Iż-żjara tal-Papa fis-Slovakkja hi intiża biex ittejjeb ir-relazzjonjiet bejn il-Kattoliċi u l-Lhud u meta hu kien qed jaħseb biex jiltaqa’ ukoll mal-membri tal-komunità tar-Roma (żingari) f’dan il-pajjiż.
//= $special ?>