Futbol Sport

Inter miżmuma fi draw…Milan ikomplu jirbħu

(Ritratt: EPA)

Fi Stadio Luigi Ferraris, Inter kienu miżmuma fi draw ta’ 2-2 minn Sampdoria. Federico Dimarco fetaħ l-iskor għal Inter wara 18-il minuta biex id-difensur Gappuniz Maya Yoshida ġab l-iskor indaqs fit-33 minuta. Inter marru fil-vantaġġ ftit minuti qabel l-ewwel taqsima permezz ta’ Lautaro Martinez. It-tim imexxi Roberto D’Aversa ġab l-iskor indaqs meta kien Tommasso Augello li kkonkluda b’xutt b’saħħtu fuq cross ta’ Bereztnski ghal 2-2.

Milan kisbu rebħa importanti ta’ 2-0 fuq Lazio biex b’hekk żammew il-pass mat-timijiet fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika. Rafael Leao fetaħ l-iskor ma’ ħin il-mistrieħ, biex Franck Kessie tilef iċ-ċans li jirdoppja fil-ħin mogħti żejjed fi tmiem l-ewwel taqsima meta naqas milli jiskorja minn penalty. Il-gowl li ddeċieda l-konfront wasal fis-67 minuta permezz ta’ Zlatan Ibrahimovic.

Roma wkoll żammew il-pass ma’ ta’ fuq meta għelbu lil Sassuolo 2-1. Bryan Cristante poġġa lit-tim ta’ Jose Mourinho fil-vantaġġ. Filip Djuricic ġab l-iskor indaqs biex fil-ħin mogħti żejjed, kien Stephan El Shaarawy li aċċerta minn rebħa għal Roma.

SERIE A
Ilbieraħ: Empoli v Venezia 1-2, Napoli v Juventus 2-1, Atalanta v Fiorentina 1-2 Illum: Sampdoria v Inter 2-2, Cagliari v Genoa 2-3, Torino v Salernitana 3-0, Spezia v Udinese 0-1, Milan v Lazio 2-0, Roma v Sassuolo 2-1 Għada: Bologna v Verona 8.45pm