Lokali

Jibqa’ ma jgħid xejn dwar l-għoli tal-ħajja

Filwaqt li din il-Ġimgħa il-Ministru Roderick Galdes saħaq li l-problema tal-għoli tal-ħajja hija indirizzata..
u l-Ministru Silvio Schembri ma kienx jaf kemm jiswew il-ħobż u l-ħalib.. U Julia Farrugia ħarbet milli twieġeb fuq l-għoli tal-ħajja…

… Kważi xahar qabel il-Budget, il-Prim Ministru Robert Abela.. waqt intervista ta’ nofsija fuq ir-radju tal-Partit Laburista ma ħassx li kellu jitkellem dwar dan is-suġġett li tant qed jinkwieta lill-familji Maltin u Għawdxin.

Filwaqt li l-poplu Malti qiegħed kontinwament jitkellem dwar dan is-suġġett għall-fatt li l-prezzijiet ta’ affarijiet bażiċi qed ikomplu jgħolew u l-pagi qed jibgħu l-istess… il-Gvern qed jibqa’ jaħrab milli jindirizza din il-problema.

Stħarriġ tal-MISCO juri li għal 86% tal-Maltin il-ħajja għoliet minn tliet snin ilu ‘l hawn. Meta saritilhom mistoqsija dwar x’inhi l-problema ewlenija li jaffaċċjaw personalment, 26%, u ċioe Malti minn kull erbgħa, isemmu l-għoli tal-ħajja. Barra min dan, 59% tal-Maltin iħossu li mhumiex komdi daqskemm jixtiequ.

Dan għall-kuntrarju ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista … li huwa kommess li jindirizza l-għoli tal-ħajja b’miżuri konkreti, fosthom li jkun hemm investiment u titjib fid-dħul tal-ħaddiema li jkun jirrifletti l-ħiliet u x-xogħol li jwettqu kif ukoll b’monitoraġġ tal-prezzijiet, fost oħrajn.

Intant, waqt li kien intervistat fuq l-istazzjon Laburista, Robert Abela, minflok tkellem dwar l-impenn tal-PN li qed jaħdem biex pajjiżna joħroġ mill-greylist tal-FATF, il-Prim Ministru infexx f’attakk partiġġjan.. Dan fl-istess ġimgħa meta sirna nafu li minn meta pajjiżna spiċċa greylisted f’Ġunju li għadda, kien hemm 24 kumpanija li waqfu l-operat tagħhom minn Malta.

U bħal kull nhar ta’ Ħadd, minflok joffri s-soluzzjonijiet, il-Prim Ministru reġa’ għażel li jmaqdar lill-Partit Nazzjonalista.