Lokali

“M’għandix flus biex inħallas il-lukanda fejn talbuna noqgħodu kwarantina”

Ikomplu jitkellmu ma’ Net News iktar persuni li qed jintalbu jmorru jagħmlu kwarantina f’lukanda meta għandhom residenza privata f’Malta.

Persuna li tkelmet magħna tul il-jum tal-Ħadd, saħqet li wara li ġiet mit-Tuneżija minħabba li kellha bżonn tmur sabiex tiffirma xi karti, hi flimkien ma binha intalbu jagħmlu kwarantina f’lukanda minkejja li għandha dar f’Malta.

Iddispjaċuta u kważi imbikkma din il-mara stqarret magħna li hi tgħix flimkien ma’ binha ta’ 10 snin u għandha diversi spejjeż tant li mhux jirnexxilha tlaħħaq mal-ħajja ta’ kuljum aħseb u ara kemm tista’ tħallas l-ispejjeż tal-kwarantina.

Apparti minn hekk, hija kompliet tgħidilna li l-fatt li jinsabu maqfula f’kamra mhux qed jgħinhom psikoloġikament tant li t-tifel għandu bżonn l-għajnuna.

Tkelmet ma’ Net News omm oħra li stqarret li spiċċat tilfet eluf ta’ ewro minħabba żball f’riżultat tal-COVID-19.

Din il-mara saħqet li qabel ma’ qabdet flight li jwassalha sa cruiseliner, hi u binha għamlu swab bir-riżultat ta’ binha jkun wieħed pożittiv u għalhekk kellhom joqgħodu lura milli jkomplu l-vjaġġ tagħhom. Iżda sagħtejn wara li ħareġ ir-riżultat, il-mara ġiet ikkuntattjata fejn qalulna li r-riżultat ta’ binha kien wieħed negattiv għaliex kellhom żball fl-ewwel riżultat jew inkellha inqara ħażin mill-uffiċjali tal-ajruport u għalhekk kemm l-omm kif ukoll l-iben setgħu joħorġu mill-kwarantina u jsiefru.

Iżda minħabba dan l-iżball.. f’dawk is-sagħtejn, il-mara laħqet tilfet il-flight u l-cruise.. li jammontaw għal eluf ta’ ewro.