Internazzjonali

Mietet il-kantanta ta’ ‘Yes Sir I Can Boogie’

Il-kantanta María Mendiola tad-duo Spanjol Baccara u l-protagonista wara l-kanzunetta tad-disko famuża  ‘Yes Sir, I Can Boogie’, mietet f’Madrid, fl-età ta’ 69 sena.

Mendiola, fl-1977, kienet iffurmat Baccara mal-kantanta Mayte Mateos, fi żmien meta huma t-tnejn kienu żeffiena tal-flamenco u kienu jiddevertu lit-turisti fil-gżira ta’  Fuerteventura.

Intant, dan id-duo attira l-attenzjoni ta’ eżekuttiv ma’ dar tad-diski u bir-riżultat li Mendiola u Mateos iffirmaw kuntratt mal-RCA Records fir-Renju Unit – fejn ippreżentaw  Yes Sir, I Can Boogie bħala l-ewwel kanzunetta  single.

Il-kanzunetta, illum, hi magħrufa bħala disco classic għal kull żmien u kienet telgħet fil-quċċata tal-klassifika tal- hits f’għaxar pajjiżi Eweropej, inkluż ir-Renju Unit.

Sadanittant, imbiegħu ‘il fuq minn 16-il miljun kopja ta’ din il-kanzunetta, b’dan l-ammont ikun aktar milli qatt irnexxielhom ibiegħu kwalunkwe girl group sa dak iż-żmien.