Sport Waterpolo

Neamtu jxeqleb il-miżien favur ir-Rumeni fl-ewwel impenn taż-żgħażagħ Maltin

Rapport: Stewart Said

MALTA………………. 7

RUMANIJA……….. 9

(2-3), (2-2), (1-3), (2-1)

Finalment kienu aħjar. Il-konklużjoni ta’ logħba li fiha ż-żgħażagħ Maltin setgħu forsi kisbu xi ħaġa kieku kienu ftit aktar attenti fil-passaġġi tagħhom fl-attakk. Effettivi aktar mn-nofs milli mill-ġnub filwaqt li l-ballun seta’ wasal aktar fis-centre. Finalment wara assenza ta’ diversi xhur, rajna ftit partitarji fil-Pixxina Nazzjonali. Id-differenza prinċipali kienet li kollha ġejjin minn pajjiżi differenti, jagħtu appoġġ liż-żgħażagħ ta’ pajjiżhom.

Protagonist kien Andrei Neamtu li beda jsib ix-xibka Maltija lejn nofs l-ewwel sessjoni meta kkonverta b’suċċess sitwazzjoni ta’ raġel aktar fl-ilma. Reazzjoni mill-ewwel tat-tim Malti b’gowl minn penalty ta’ Alec Fenech sakemm Neamtu skorja doppjetta. Iżda l-gowl lejn it-tmiem mis-centre ta’ Jake Cachia nissel fiduċja fiż-żgħażagħ Maltin.

Alec Fenech ġab id-draw mal-ftuħ tat-tieni sessjoni, iżda r-Rumeni reġgħu ħadu vantaġġ doppju b’gowls ta’ Neamtu minn man-up u Alexi Popovici mis-centre. Iżda għat-tieni sessjoni konsekuttiva, Malta skorjat din id-darba b’xutt ta’ Sam Gialanze minn pożizzjoni ċentrali.

Il-gowl mix-xellugi Jayden Cutajar lejn nofs it-tielet sessjoni, deher li seta’ jagħti nifs ġdid lit-tim Malti, f’mument fejn ir-Rumeni żgur ma kinux superjuri. Iżda r-Rumeni rrispondew, kisbu l-vantaġġ mill-ewwel u permezz ta’ xutt ta’ Neamtu li ħabat mal-mimduda qabel qabeż il-linja, kellhom vantaġġ doppju għat-tielet darba fil-logħba. Il-gowl ta’ Vlad Gherghe fl-aħħar sekonda tas-sessjoni bidel l-andament.

Minkejja riżultat ta’ 8-5, iż-żgħażagħ ta’ Anthony Farrugia baqgħu jippruvaw u l-gowl ta’ Nico Schiavone minn man-up ħalla lit-tim jittama. Iżda r-Rumanija aċċertaw mir-rebħa b’azzjoni individwali ta’ Tommaso Insinna.

Malta: G. Borg, M. Mifsud, R. Caruana, D. Rizzo, J. Cachia (1), M. Demarco, N. Schiavone (1), J. Cutajar (2), K. Borg, S. Azzopardi, A. Fenech (2), S. Gialanze (1), S. Mifsud

Rumanija: D. Dumitru, F. Sachetti, T. Insinna (1), A. Popovici (1), A. Tepelus, H. Nazarie, V. Gherghe (1), R. Orsos, A. Teodorescu, A. Neamtu (5), P. Dumitru, A. Armean (1), H. Muresan

Referees: Veselin Miskovic (Montenegro), George Makharadze (Georgia)