Kultura Lokali

Net Television se jxandar tliet programmi speċjali ta’ qabel il-Konkors Kanzunetta Indipendenza

#KKIgoesGreen

Attivitajiet sinonimi mal-Festi tal-Indipendenza bla dubju jibqgħu iz-zewg konkorsi mużikali – il-Konkors Kanzunetta Indipendenza – Filfatt, għal sena oħra, se jittellgħu żewġ serati ta’ dan il-konkors. Il-finali tal-KKI Junior li se jsir il-Ġimgħa 17 ta’ Settembru u l-għada, issegwi l-finali tal-kantanti stabbiliti. Iż-żewġ festivals ser jixxandru LIVE fuq Net Television – trażmissjoni li tibda fit-8:30pm.

Intant, bħala preludju għal dawn iż-żewġ festivals, Net Television se jkun qed itella’ tliet programmi speċjali bejn it-Tnejn 13 u l-Erbgħa 15 ta’ Settembru – programmi li jixxandru wara l-bulettin tal-aħbarijiet ta’ Net News.

Fil-programm tat-Tnejn se jkunu mistiedna il-kantanti kollha finalisti tal-KKI Junior filwaqt li t-Tlieta u l-Erbgħa se jkun ddedikat għall-kantanti finalisti tal-KKI tal-kbar. Dawn il-programmi ser ikunu ppreżentati mill-preżentaturi tal-festival stess, Mark Azzopardi, Michaela Dalli, Keane Cutajar u Valerie Vella rispettivament.

Interessanti l-fatt li din se tkun is-7 edizzjoni tal-KKI Junior u t-30 edizzjoni tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza tal-kbar.

Din is-sena l-kartolini abbinati ma’ kull partecipant se jkunu qed jitrattaw it-tema tal-ambjent u filfatt dan il-festival għandu l-hashtag KKI Goes Green abbinata miegħu. Dan filwaqt li l-process kollu taż-żewg festivals kien assistit dejjem b’nutar, kif jiġri ta’ kull sena.

L-organizzazjoni tal-Konkorsi Kanzunetta Indipendenza din is-sena reġgħu ġew fdati f’idejn id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Robert Cutajar. Id-direttur artistiku ta’ dawn il-festivals huwa Marco Calleja.