Internazzjonali

Stati Uniti: L-ebda provi li l-Gvern Sawdi kellu rabtiet mal-attakki ta’ ‘9/11’

Il-Federal Bureau of Investigation (FBI) tal-Istati Uniti ħareġ fil-pubbliku dokument li jindaga dwar il-konnessjonijiet bejn ċittadini tal-Arabja Sawdija residenti fl-Istati Uniti u tnejn fost it-terroristi tal-grupp al-Qaeda li wettqu l-attakki storiċi kontra l-ibliet Amerikani prinċipali fil-11 ta’ Settembru tal-2001.

Il-qraba tal-vittmi li mietu waqt l-attakki fuq New York u Washington kienu ilhom iħeġġu biex numru ta’ dokumenti partikulari jkunu deklassifikati. Huma jemmnu li xi uffiċjali Sawdi ‘kienu jafu minn qabel dwar l-attakki iżda ma għamlu xejn biex iwaqqfuhom’.

Madankollu, dan id-dokument deklassifikat ma jipprovdi l-ebda provi li l-Gvern tal-Arabja Sawdija seta’, b’xi mod, kien involut f’kumplott qattiel kontra l-Istati Uniti. Dan meta ħmistax fost it-terroristi suwiċida li ħatfu l-ajruplani tal-passiġġieri biex jużawhom bħall-missili kontra l-bini u ċ-ċentri ewlenin ta’ New York u Washington kienu ta’ nisel Sawdi.

Qabel id-deklassifikazzjoni tad-dokument, l-Ambaxxata tas-Sawdi f’Washington mill-ġdid ċaħdet għal kwalunkwe rabta bejn pajjiżha u t-terroriti tal-al-Qaeda u sostniet li allegazzjonijiet ta’ dan it-tip huma ‘foloz u malizzjużi’.

L-attakki tal-2001 kienu l-aktar azzjonijiet qattiela f’territorju tal-Istati Uniti u ssarrfu fl-imwiet ta’ kważi 3,000 persuna. Mistenni li, ‘il quddiem, ikunu deklassifikati dokumenti oħra b’informazzjoni speċifika, 20 sena wara t-terrur li biddel darba għal dejjem il-politika tal-Amerikani fir-rigward tas-sigurtà.

Intant, il-familji ta’ uħud fost il-vittmi ilhom iwettqu pressjoni fuq il-President tal-Istati Uniti Joe Biden biex jiddeklassifika d-dokumenti u, fl-aħħar sigħat, qalu li ‘hu ma messux attenda għaċ-ċerimonji ta’ tifkira ta’ ‘9/11’ fi New York f’każ li mhux lest li joħroġ id-dokumenti fil-pubbliku.’