Budget 2022 Ekonomija Kummerċ Lokali

26 proposta għall-Budget mill-Kamra tal-SMEs

Il-Kamra tan-Negozji ż-Żgħar nediet il-lista tal-proposti tagħha ghall-budget 2022. 26 proposta li għandhom l-għan prinċipali li jħaffu l-proċess ta’ rkupru f’pajjiżna, u li jinidirzzaw kemm jista jkun malajr l-impatt negattiv li ħallew il-pandemija u l-greylisting fuq in-negozji biex is-sena d-dieħla tkun wahda li twassal għal aktar normalità u stabbilità.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs Abigail Mamo tat spjega tal-proposti.

Fost dawk li spikkaw kien hemm proposti li jindirizzaw il-problemi li nħolqu biż-żieda fil-prezz tax-shipping. Din hi proposta li tirrifletti dik li għamel il-Partit Nazzjonalista għal dan il-qasam.

Il-Kamra tal-SMEs saħqet ukoll li jrid isir aktar investiment biex pajjiżna jkun jista’ jnaqqas id-dipendenza tiegħu fuq l-importazzjoni.

Indirizzata ukoll is-sitwazzjoni li żviluppat meta pajjiżna sab ruħu fuq il-lista l-griża tal-FATF.

Paul Abela, Direttur tal-Kamra, għamel appell lil-Gvern sabiex in-negozji ż-żgħar ma jispiċċawx huma l-ħaruf tas-sagrifiċċju hekk kif diġà hemm sinjali li dawn qed ikunu fil-mira ta’ ċċekkjar wara li pajjiżna ġie greylisted.

Fl-isfond tat-tibdiliet li n-negozji sabu ma’ wiċċhom wara l-greylisting, il-Kamra qed tipproponi sistema ċċentralizzata ta’ ġbir ta’ dettalji tal-klijenti biex tinqata’ l-burokrazija żejda.

Proposti oħra jinkludu t-twessigħ tal-brackets tat-taxx, l-estensjoni tal-moratorja għan-negozji, grants għal ristrutturar fiżiku u anke diġitali tan-negozji, impenn għal aktar kompetittività fis-servizzi bankarji, għajnuna għal attivitajiet ta’ team building sabiex jissaħħu dejjem aktar ir-relazzjonijiet bejn l-impjegati, skemi għal taħriġ, investiment akbar fl-istituzzjonijiet edukattivi, skema ta’ scrappage għall-vetturi kummerċjali, kif ukoll impenn serju biex Għawdex jibqa’ mħares billi jitwaqqaf kull żvilupp f’żoni ODZ, aktar fondi għal kumpaniji Għawdxin li joperaw fil-qasam diġitali, titjib fil-konnettività permezz ta’ servizz bl-ajru, tnaqqis fil-prezzijiet tal-vapur għal vetturi elettriċi, u tkabbir fil-port tal-Imġarr -proposta li wkoll saret mill-Partit Nazzjonalista.