Internazzjonali

Afganistan: In-NU tipprova tiġġenera għajnuna ekwivalenti għal mijiet ta’ miljuni ta’ ewro

In-Nazzjonijiet Uniti qed tipprova tiġġenera l-għajnuna ekwivalenti għal miljuni tal-ewro għall-Afganistan fost twissijiet li l-pajjiż qed jiffaċċja kriżi umanitarja kbira. L-organizzazzjoni internazzjonali, fl-istess ħin, qed titlob dejjem aktar għajnuna mingħand il-pajjiżi meta l-militanti Iżlamiċi tat-Taliban qed jikkonsolidaw dejjem aktar il-poter fl-Afganistan.

Il-messaġġ xott tan-NU hu li ‘l-Afgani jinsabu fi ħtieġa urġenti ta’ ikel, mediċina, servizzi tas-saħħa u ilma tajjeb għax-xorb’, bil-potenzjal għal kriżi storika qed jikber minn jum għall-ieħor. Dan meta l-flus li għandhom ikunu ġenerati mistennija jagħmlu d-differenza bejn ħajja u mewt għal numru kbir ta’ Afgani.

L-istqarrija tan-NU kompliet li ‘l-Afganistan qed jiffaċċja sitwazzjoni mill-agħar waqt li għaddej minn konflitt fit-tul u waqt li qed ibati l-effetti ta’ nixfa serja u mill-pandemija tal-Covid-19’. Dan ukoll meta nofs il-poplu Afgan jinsab fi ħtieġa urġenti għall-għajnuna.

Fil-fatt, l-aħħar żviluppi xokkanti fl-Afganistan ifissru li l-poplu spiċċa aktar vulnerabbli għaċ-ċirkostanzi, bl-ekonomija tal-pajjiż tinsab f’xifer l-irdum.

Intant, hemm tħassib kbir dwar il-futur tan-nisa u l-bniet Afgani taħt idejn it-Talibani, u meta d-drittijiet tagħhom qed ikunu kontinwament mittiefsa.

Għaldaqstant, in-NU qed issejjaħ għal azzjoni mill-aktar fis mill-komunità internazzjonali, hi u tappella lit-Talibani biex jagħtu aċċess totali lill-ħaddiema tal-għajnuna fl-artijiet Afgani.

Anki matul il-jiem (f’Awwissu) qabel l-Afganistan waqa’ taħt idejn it-Taliban, ‘il fuq minn 550,000 persuna kienu sfurzati biex jaħarbu minn djarhom minħabba l-ġlied kontinwu. Dan ifisser li madwar 3.5 miljuni, fil-preżent, qed ikollhom jgħixu bħal refuġjati f’pajjiżhom stess u fejn qed ikomplu jbatu min-nuqqas akut tal-ikel.