Lokali

“Gvern ġdid Nazzjonalista jħallas kull trattament tal-kanċer li jagħmlu l-Maltin fl-UE”

"Magħna inti tkun stmat - magħna ħadd m'għandu jmur jittallab għall-karità"

“Għalija int għandek valur, aħna nħallsulek il-kura li għandek bżonn”.

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tul sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba bit-tema tas-Saħħa..li ġiet organizzata fl-Imqabba waqt il-ġimgħa ta’ attivitajiet ta’ festi tal-Indipendenza.

Bernard Grech saħaq li taħt Gvern ġdid Nazzjonalista kull min ikollu bżonn il-kura għat-trattament tal-kanċer barra minn Malta m’għandux għalfejn jittallab filwaqt li insista li jinsab kommess sabiex is-servizz tal-kemoterapija ma jibqax jingħata biss fl-isptarijiet iżda saħaq li Gvern immexxi minnu jagħti l-kura lill-pazjenti f’darhom stess.

Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni ta’ numru ta’ persuni li qed jiġu mġiegħla jibqgħu sejrin lejn lukandi bi ħlas għall-kwarantina wara li jagħmlu l-wasla tagħhom f’Malta..minkejja li ikollom residenza f’pajjiżna – Bernard Grech saħaq li hemm bżonn ta’ aktar sensittività għal każi..bħal każ ta’ tfajla Rachel Umanah u spjega li m’għandniex ngħabbu l-familji Maltin u Għawdxin b’piż finanzjarju żejjed. Aktar minn hekk huwa insista li l-pubbliku m’għandhomx iħallsu biex joqgħodu f’lukanda kontra l-volontà tagħhom.

Dwar l-isptarijiet tal-Vitals Bernard Grech saħaq li l-ġlieda ta’ Adrian Delia hija waħda tal-Partit kollu u insista li se jingħata l-appoġġ kollu meħtieġ għaliex mhux aċċettabli li l-isptarijiet taghna jibqgħu f’idejn persuni bla esperjenza fil-qasam tas-saħħa waqt li qed jingħataw il-miljuni. Bernard Grech saħaq li mill-ewwel ġurnata ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista jara li jew jingħataw l-isptarijiet lura jew jingħata servizz li jixraq lill-Maltin u l-Għawdxin.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li Gvern Gdid Nazzjonalista jagħmel sptar ġdid iddedikat għas-saħħa mentali qrib l-Isptar Mater Dei u insista din il-kura trid tingħata b’mod sħiħ sabiex l-istigma li għad hemm f’dan il-qasam titwarrab darba għal dejjem.

Bernard Grech sellem lill-aktar mill-400 vittma tal-pandemija f’pajjizna kif ukoll lill-frontliners u insista li mhux bizzejjed li nirrikonoxxu s-sagrificcji taghhom iżda nuruwhom bil-fatti li dak li għamlu għalina fih valur. Għaldaqstant huwa qal li taħt Gvern Nazzjonalista jkun hemm pagi aħjar fil-qasam tas-saħħa.

Dan filwaqt li preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino li sostna preżentament pajjiżna għandu diversi sfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom u għaldaqstant mill-kliem għandna nimxu għall-azzjoni sabiex flimkien inkunu l-bidla li jixraq lil dan il-pajjiż.

Tkellem ukoll l-eks Supretendent tas-Saħħa Pubblika, it-Tabib Ray Busuttil, li insista li l-pandemija preżenti rridu nitgħallmu ngħixu biha u għaldaqstant issa l-awtoritajiet iridu jaraw kif se jqajmu d-diversi setturi tas-saħħa oħra u appella għal programm nazzjonali urġenti.

Intant omm u Kunsilliera f’isem il-Partit Nazzjonalista, Janice Busuttil rrakkontat d-diffikulta li preżentament persuni li jridu jwettqu l-IVF iħabbtu wiċċhom magħhom bħal fost oħrajn il-mediċini għoljin kif ukoll il-fatt li jitwaqfu milli jagħmlu proprju dan f’Malta minħabba l-età.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-preġudizzju f’dan il-qasam irid jitwarrab u jinsab kommess li Gvern Nazzjonalista jneħħi r-realta preżenti li l-flus jidhlu bejn min jista u ma jistax ikollu tfal għax hawn għandna l-persuni fin-nofs. Għalhekk Gvern Nazzjonalista jagħti l-kura u l-mediċina kollha meħtieġa lil dawn il-koppji.

Bernard Grech temm jgħid li flimkien biss nistgħu nwettqu l-bidla li l-familji Maltin u Għawdxin tant jistħoqilhom…bidla f’kull aspett..inkluż fis-saħħa.