Lokali

Il-Malta Police Union tgħid li l-Gvern qed jinjora l-ilmenti tagħha

Il-Malta Police Union illum kitbet lis-Sitt Membri tal-Parlament Ewropew li jirrappreżentaw liċ-ċittadini Maltin, sabiex jitolbu l-għajnuna tagħhom sabiex jiksbu d-dritt sħiħ ta’ Negozjar u Azzjoni Kollettiva kif elenkat fl-Artikolu 28 tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li ilu legalment fis-seħħ mill-1 ta’ Diċembru, tas-sena 2009, mad-dħul tat-Trattat ta’ Lisbona.

Dan wara li it-talbiet uffiċjali mill-Malta Police Union li saru lill-Ministru responsabbli għar-Relazzjonijiet Industrijali ġew injorati.

L-Artikolu 67A (2) tal-Kapitolu 452 tal-liġijiet ta’ Malta jiddikjara li t-Trade Union li tirrappreżenta l-membri tal-forza dixxiplinata għandu jkun intitolat li jinnegozja l-kondizzjonijiet ta’ impjieg u li jipparteċipa fi proċeduri ta’ soluzzjoni ta’ tilwim ta’ natura konċiljatorja, medjatorja, arbitrali jew ġudizzjarja f’isem il-membri tal-forza dixxiplinata li tirrappreżenta, iżda m’għandhiex tkun intitolata li tieħu xi azzjoni oħra f’kontemplazzjoni jew promozzjoni ta’ tilwima.

Meta wieħed iqis Atikolu 3 ta’ l-Att dwar l-Unjoni Ewropea, Kapitolu 460 tal-Liġijiet ta’ Malta, dan l-Artikolu jiddikjara li, ‘Mill-Ewwel jum ta’ Mejju 2004, it-Trattat u l-atti eżistenti u futuri adottati mill-Unjoni Ewropea għandha torbot lil Malta u għandha tkun parti mil-liġi domestika.’

Wara li gew ikkunsidrati wkoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 (4) tal-Karta Soċjali Ewropea, fejn jidher li Malta ma tikkonformax ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Malta Police Union qed titlob lil Gvern ta’ Malta sabiex jibda minnufih in-negozjati mal-Malta Police Union biex tirrettifika s-sitwazzjoni u temenda l-Artikolu 67A peress li tidderoga mid-drittijiet mogħtija, biex tirrifletti l-ispirtu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Karta Soċjali Ewropea.

Sakemm il-Gvern jemenda l-Artikolu 67A, id-Drittijiet tal-uffiċjali tal-Pulizija qed jiġu miċħuda kuljum.