Lokali

Il-maratona ‘Il-Missjoni Bżonnok’ tiġbor €410,356

Matul il-maratona ‘Il-Missjoni Bżonnok’, organizzata mill-Fondazzjoni U mill-Ġimgħa 10 ta’ Settembru sal-Ħadd li għadda f’nofsillejl, inġabret is-somma ta’ €410,356.

Il-flus miġbura se jmorru b’risq familji u tfal li jgħixu fil-faqar u l-miżerja f’pajjiżi tal-missjoni.

Din id-darba l-maratona ġabret flus għal missjunarji preżenti fl-Etjopja, il-Kenja, il-Bolivja, il-Ghana, l-Indoneżja, l-Indja u l-Gwatemala. Matul il-maratona saru bosta kollegamenti diretti ma’ wħud mill-missjunarji Maltin preżenti f’dawn il-pajjiżi.

Il-maratona ħasbet ukoll biex jinġabru fondi b’risq tfal b’diżabbiltà u familji li ftit jiem ilu kienu evakwati mill-Afganistan flimkien ma’ Sorijiet tal-Karità li kienu jieħdu ħsiebhom f’dan il-pajjiż. Illum jinsabu qawwijin u sħaħ fl-Italja u l-ġenerożità tal-Maltin se tasal għandhom ukoll.

Se jkunu megħjuna wkoll tfal li qegħdin jiġġerrew barra bla saqaf fuq rashom wara t-terremot qawwi f’Haiti u tfal oħra li jieħdu ħsiebhom missjunarji Sależjani fi Sierra Leone.

 Il-maratona taħseb ukoll għall-iskema taċ-Child Sponsors fejn numru kbir ta’ tfal li jgħixu fil-faqar f’pajjiżi li fihom jaħdmu missjunarji Maltin ikunu megħjuna minn individwi jew familji Maltin għall-ikel, il-mediċini u l-edukazzjoni tagħhom.

F’kumment li ta fi tmiem il-maratona, il-fundatur u direttur tal-Fondazzjoni U, Dun Ġwann Farrugia, irringrazzja lill-Maltin u l-Għawdxin kollha għall-ġenerożità kbira tagħhom u lil dawk kollha li b’xi mod ħadmu għal dan is-suċċess.

Fost il-personalitajiet li attendew waqt din il-maratona jew taw messaġġi permezz ta’ kollegamenti diretti kien hemm il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

Il-maratona kienet imxandra matul tlett ijiem sħaħ, inkluż diversi intervisti matul il-lejl, bis-sehem ta’ diversi preżentaturi, fuq Xejk Television u għal ħinijiet twal fuq l-istazzjonijiet lokali l-oħrajn tat-televiżjoni.