Lokali

“Ilkoll għandna d-dinjità tagħna” – Bernard Grech

Kulħadd għandu jkollu d-dinjità tiegħu rispettata, l-ugwaljanza m’għandhiex tinħass bħala oppressjoni iżda dritt mingħajr ebda preġudizzju fuq ħaddieħor l-għaliex kull wieħed u waħda minnha ħaqqu jħobb u jkun maħbub – darna miftuħa għal kulħadd, flimkien nistgħu nkunu l-bidla.

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta t-Tnejn filgħodu kellu laqgħa ma’ rappreżentanti tal-Allied Rainbow Communities, ARC, NGO li l-għan tagħha huwa sabiex verament l-komunità LGBTIQ+ tikber u titħaddan mas-soċjetà ġenerali.

Bernard Grech insista dwar l-importanza tad-djalogu bejn iż-żewġ naħat, u ddeskriva din il-laqgħa bħala pass importanti fi triq ‘il quddiem.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li se jkun qiegħed imexxi ‘il quddiem dawn id-drittijiet.

Net News tkellem ukoll ma, Clayton Mercieca Community Manager fi ħdan ARC fejn nnota b’mod pożittiv il-bidla li għaddej minnha l-Partit Nazzjonalista fejn saħaq li d-diskussjoni hija ċ-ċavetta għas-soċjetà tagħna.

Matul din il-laqgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mid-Deputat Nazzjonalista Karl Gouder. Fl-aħħar jiem, id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista nxtegħlet bl-ilwien li jirrappreżentaw din il-komunità f’okkażjoni li matul dawn il-jiem għaddejjin iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Malta Pride Week.

Ritratt: Martin Agius