Lokali Qtil Politiku

“Irridu nfejjqu l-ġerħa gravi u trawmatika li minnha għadda u għadu qed jgħaddi l-pajjiż”

Il-President George Vella, flimkien mas-Sinjura Miriam Vella u membri tal-familja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, żar il-post fejn seħħ l-assassinju ta’ Caruana Galizia fil-Bidnija. Dan sar wara numru ta’ kuntatti, u qbil, bejn l-Uffiċċju tal-President u l-familja ta’ Caruana Galizia mit-3 ta’ Settembru ‘l hawn.

Hemmhekk, il-President Vella poġġa kuruna ta’ fjuri bħala turija ta’ sogħba u kundanna għall-att oxxen li temm il-ħajja ta’ Daphne Caruana Galizia nhar is-16 ta’ Ottubru 2017 u fit-twettiq tar-rakkomandazzjoni tal-inkjesta pubblika li ‘l-Istat jirrekonċilja mal-familja tal-ġurnalista assassinata, biex b’hekk jagħti bidu għall-fejqan tal-ġerħa gravi u trawmatika li minnha għadda u għadu qed jgħaddi l-pajjiż’.

Intant, il-familja Caruana Galizia laqgħet b’mod pożittiv dan il-ġest u ddeskrivietu bħala rikonoxximent mill-istat għall-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia u turija tal-fatt li jeħtieġ tinġarr responsabbiltà.

Il-familja titlob biex il-pajjiż jimxi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta sabiex verament tirritorna s-Saltna tad-Dritt f’pajjiżna, titemm l-impunità u l-ġurnalisti jkunu protetti.