Sport Waterpolo

Iż-żgħażagħ Maltin jagħtu battikata lill-qawwa Kroata

Rapport: Stewart Said

MALTA……………. 6

KROAZJA……….. 10

(2-1), (1-4), (2-2), (1-3)

It-tieni telfa għat-tim Malti f’dan il-Kampjonat Ewropew kontra avversarji aktar kwotati mir-Rumanija, jiġifieri l-Kroazja. Iżda minkejja r-riżultat finali, dawk preżenti żgur li kienu kuntenti bl-impenn taż-żgħażagħ Maltin. Fis-centre kienet waħda mir-raġunijiet tar-riżultat, bil-Kroati effettivi filwaqt li t-tim Malti hu nieqes mill-plejer fiss li jagħmel il-ħsara.

It-tim Malti kellu l-aqwa bidu possibbli hekk kif kiseb vantaġġ doppju b’gowls ta’ Nico Schiavone u Sam Gialanze, biż-żewġ gowls jaslu wara attakk b’superjorità numerika. Il-Kroati naqqsu d-distakk b’gowl ta’ Robert Stojanac, biż-żgħażagħ itemmu s-sessjoni fil-vantaġġ wara li anki ddefendew azzjoni ta’ plejer anqas.

Stojanac ġab id-draw fil-bidu tat-tieni sessjoni iżda pronta kienet ir-reazzjoni Maltija b’gowl ta’ Matthew Mifsud. Il-Kroazja dawret ir-riżultat fi ftit sekondi, l-ewwel b’gowl ta’ Duje Budisa minn man-up u wara minn penalty ta’ Vito Jankovic. Il-vantaġġ kiber għal 5-3 b’gowl minn penalty ieħor, din id-darba ta’ Toni Mozara. Jayden Cutajar mar viċin li jnaqqas id-distakk fl-aħħar attakk Malti ts-sessjoni iżda x-xutt ġie mċaħħad mill-wieqfa.

Il-gowl ta’ Stojanac mis-sitt man-up li kellhom, deher li seta’ jwitti t-triq għar-rebħa Kroata. Iżda ż-żgħażagħ Maltin urew kuraġġ u l-ewwel kien Kieyan Borg li naqqas id-distakk, liema distakk naqas għal gowl biss b’xutt minn angolu ristrett ta’ Alec Fenech minn man-up. Fl-aħħar minuta tas-sessjoni, Mislav Bakaric għamel ċert li l-Kroati jibdew l-aħħar sessjoni b’vantaġġ doppju.

Kienet doppjetta ta’ Mozara fl-ewwel parti tal-aħħar sessjoni li aċċertat ir-rebħa għall-Kroati. Patrik Kolak minn man-up għamilhom 10-5 iżda l-impenn tat-tim Malti wassal biex baqa’ jissielet sal-aħħar, b’Sam Gialanze, jiskorja b’xutt preċiż u naqqas id-distakk għal erba’ gowls.

Malta: G. Borg, M. Mifsud (1), R. Caruana, D. Rizzo, J. Cachia, M. Demarco, N. Schiavone (1), J. Cutajar, K. Borg (1), S. Azzopardi, A. Fenech (1), S. Gialanze (2), S. Mifsud

Kroazja: M. Cubranic, M. Tiozzo, I. Burdjelez, R. Stojanac (3), L. Omrcen, M. Bakaric (1), T. Mozara (3), T. Radan, M. Cumbelic, P. Kolak (1), V. Jankovic (1), D. Budisa (1), J. Cosic

Referees: Erwin Schapers (Olanda), Philipp Golosoun (Belarus)