Internazzjonali

Korea ta’ Fuq: Tħassib dwar il-provi għal missila li twassal fuq distanzi kbar

Il-potenzi tal-Punent qed isegwu b’ansjetà l-aħħar żviluppi fil-Korea ta’ Fuq wara li l-Istat komunista wettaq provi għal cruise missile ġdid għal fuq id-distanzi kbar u li għandu l-kapaċità biex tolqot diversi zoni prinċipali fil-Ġappun.

Skont l-aħħar informazzjoni, il-missili suġġetti għall-prova vvjaġġaw b’veloċità ta’ madwar 1,500 kilometru fis-siegħa. Dan juri wkoll li l-Korea komunista xorta waħda kapaċi tiżviluppa l-missili ta’ ċertu kalibru minkejja n-nuqqasijiet tal-ikel fil-pajjiż li għaddej ukoll minn kriżi ekonomika kbira.

Fl-istess ħin, il-militar Amerikan qal li l-aħħar provi mill-Korea ta’ Fuq iridu jitqiesu bħala theddida għall-komunità internazzjonali, waqt li s-sorsi fil-Ġappun qalu li t-Tmexxija f’Tokjo hu mħasseb ferm dwar l-iżviluppi.

Fil-fatt, il-provi mill-Korea ta’ Fuq jistgħu huma ‘l-aktar sinifikanti’ għal diversi xhur.

Dan waqt li l-gazzetta ( ta’ Pyongyang) Rodong Sinmun pubblikat ritratt ta’ missila waqt li qed tkun sparata minn vettura speċifika. Fl-istess ħin dehru wkoll ritratti ta’ missila waqt titjira orizzontali.

Il-Korea ta’ Fuq qed tfisser il-missili ġodda bħala ‘armi strateġiċi ta’ sinifikat enormi’, bil-provi jsiru fi tmiem il-ġimgħa. Intant, il-missili laqtu l-miri tagħhom qabel niżlu fl-ibħra territorjali tal-Korea ta’ Fuq.

Jerġa’ aktar inkwetanti għall-Istati ġirien u l-kumplament tad-dinja hi l-analiżi ta’ Ankit Panda, espert dwar il-Korea ta’ Fuq, li tenna li dan il-cruise missile partikulari hu l-ewwel tal-Korea ta’ Fuq bil-kapaċità li jġorr warhead nukleari. 

Dan meta s-sanzjonijiet imposti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jipprojbixxu lill-Korea ta’ Fuq milli twettaq provi għall-missili ballistiċi – iżda mhux fir-rigward tat-tip ta’ cruise missiles li kienu suġġetti għall-aħħar provi.

Il-Kunsill tan-NU jikkunsidra l-missili ballistiċi bħala ta’ theddida akbar mill-missili cruise għaliex huma akbar u kapaċi jġorru ‘ammont akbar ta’ materjal qerriedi’.  Minbarra dan, il-missili ballistiċi kapaċi jiġġeneraw veloċità akbar mill-cruise missiles.

Intant, missila ballistika hi ġġenerata minn rokit waqt li suppost li ttir aktar fil-għoli, filwaqt li missila cruise titmexxa minn magna ta’ ġett filwaqt li kapaċi ttir ‘aktar qrib tal-art’.