Internazzjonali

L-MTV Awards tal-2021: Is-serata prestiġjuża tirritorna fi New York iżda mhux mingħajr waqtiet ta’ tensjoni

L-MTV Video Music Awards fl-aħħar sigħat kienu premjati mill-ġdid fi  New York – il-‘belt spiritwali’ tas-serata – fejn spikkaw l-unuri mogħtija lil diversi stilel ‘żgħażagħ u mhux daqstant żgħażagħ’ tal-mużika.

Qabel iċ-ċerimonja kien hemm konfront ikrah – fuq it-Tapit l-Aħmar — bejn Conor McGregor, il-ġellied famuż Irlandiż tal-Mixed Martial Arts u l-kantant rappert Machine Gun Kelly.

Intant, Olivia Rodrigo rebħet il-premju għall-Aħjar Artista (Kantanta) Ġdida u għall-Aħjar Kanzunetta – Drivers License – waqt li Justin Bieber rebaħ il-Premju għall-Aħjar Artist ( Kantant).

L-aktar premju prestiġjuż – il-Video tas-Sena – rebħu Lil NaS x għas-single tiegħu Montero (Call Me by Your Name). Il-proprju isem ta’ dan il-kantant ta’ 22 sena hu Montero Lamar Hill, b’dan il-kantant anki jagħti wieħed mill-aħjar ‘performances’ waqt is-serata.

Din is-serata tal-MTV Video Music Awards kienet preżentata mir-rapper Doja Cat, u biċ-ċerimonja timmarka l-40 anniversarju tal-‘launch’ tal-MTV fl-Istati Uniti.

L-ispettaklu nfetaħ mill-kantanta veterana Madonna li rakkuntat kif kienet waslet fi New York 40 sena ilu, meta kellha biss ’35 dollaru u żraben taż-żfin’ u fejn kellha wkoll ix-xorti li ssib l-għajuna tal-music video network ġdid.

‘Din il-kollaborazzjoni biddlitli ħajti u bin-network jintroduċi forma ġdida ta’ arti u spettaklu’, qalet Madonna, li fil-karriera tagħha rebħet xejn anqas minn 20 statwett ‘moon-person’ tal-MTV .

L-MTV Awards kienu tassew stabbiliti bħala ‘spettaklu’ fl-1984 u fejn malajr saru famużi madwar id-dinja bħala  ‘l-ikbar u l-aqwa spettaklu televiżiv’.