Futbol Sport

Liverpool jegħlbu lil Leeds Utd f’Elland Road u jżommu l-pass ma’ ta’ fuq

(Ritratt: EPA)

Liverpool kisbu rebħa konvinċenti, 3-0, fuq Leeds United f’Elland Road biex issa jinsabu t-tielet fil-Premier League, bl-istess punteġġ bħal Manchester United u Chelsea (10) iżda b’differenza ta’ gowls inferjuri għal dawn iż-żewġ tims. Intant, din il-logħba tibqa’ ukoll sinifikanti għaliex fiha, l-attakkant Eġizzjan tar-Reds, Mohamed Salah, irnexxielu jikseb tragward personali bil-100 gowl tiegħu fl-ogħla diviżjoni Ingliża. Fl-istess ħin, ir-rebħa ta’ Liverpool kienet imtappna bl-injury ikrah li sofra l-midfielder żgħażugħ Harvey Elliott li kellu joħroġ fuq stretcher wara konfront fuq il-ballun ma’ Pascal Struijk li rriżulta fi tkeċċija għall-plejer ta’ Leeds. Sakemm seħħ dan l-inċident, Liverpool kienu diġà f’kontroll assolut tal-logħba wara li SALAH (20) poġġa lir-Reds fil-vantaġġ meta daħal għall-kross fil-baxx ta’ Trent Alexander-Arnold.

Il-vantaġġ kompla jikber kmieni fit-tieni taqsima permezz ta’ FABINHO li xeħet ġewwa mill-ġdid minn azzjoni ta’ korner. Leeds United ftit kienu perikolużi minkejja bidu inkoraġġanti u Sadio Mane seta faċilment għamel ir-riżultat aktar embarazzanti għall-Yorkshiremen iżda naqas milli jikkonkludi numru ta’ okkażjonijiet tajbin quddiem il-lasta ta’ Meslier. Madankollu,l-attakkant Senegaliż ma żbaljax mill-opportunità li messitu fil-ħin miżjud tat-tieni taqsima u fejn skorja t-tielet gowl ta’ Liverpool b’xutt qawwi fil-baxx lejn ir-rokna tax-xibka. L-aħjar ċans għal Leeds, fil-fatt, wasal kmieni fl-ewwel taqsima u meta Rodrigo falla banalment minn quddiem il-gowlkiper tar-Reds Alisson li rnexxilu jilqa’ u jbiegħed il-periklu. Intant, l-isfida ta’ Leeds litteralment mietet wara t-tkeċċija ta’ Strujik u issa t-tim ta’ Marcelo Bielsa falla milli jirbaħ imqar waħda mill-ewwel erba’ logħbiet tal-istaġun fl-ogħla kampjonat, għall-ewwel darba mill-istaġun 1958-59. Fl-istess ħin, Leeds iridu jippreparaw għal-logħob li jmiss b’diversi difensuri neqsin, fosthom Struijk (sospiż) u meta mistenni li Diego Llorente ( li ħareġ imweġġa’ fl-ewwel taqsima) u Robin Koch jeħtieġu jirkupraw għat-tul taż-żmien.