Futbol Sport

Marsa miżmuma minn St.Andrews….Pembroke ikomplu fejn ħallew

Chris Cassar


St. Andrews………………..1
Marsa ……………………….1


St. Andrews: N. Grima, I. Azzopardi, M. D’Alessandro, Z. Muscat, S. Martinez, K. Sano, J. Farrugia, D. Camilleri, M. Bartolo, J. Sixsmith, W. Camilleri.
Marsa: A. Cassar, L. Grech, R. Fenech, E. Arab, S. Bezzina, C. Gatt Baldacchino, M. Gauci, R. Darmanin, A. Scicluna, A. Samb, V. Alinho.
Referee: Darryl Agius


Marsa fost l-ikbar favoriti li jiksbu l-promozzjoni għall-kampjonat premier, promozzjoni li kienet f’idejhom fl-istaġun li għadda, bdew fuq nota xi ftit stunata meta kienu miżmuma fi dro ta’ 1-1 minn St. Andrews. Minkejja li r-riżultat hu xi ftit sorprendenti, pero s-Saints ta’ Brian Said ma serqu xejn għax b’wirja qalbiena taw daqs kemm qalgħu u kollox ma kollox ir-riżultat kien wieħed ġust. Marsa attakkaw iktar iżda ma kellhomx dawk l-opportunitajiet ċari ta’ skor, minbarra l-penalty fallut fiul-bidu tal-logħba.

L-isbaħ ċans għal Marsa fl-ewwel taqsima wasal fil-11-il minuta meta Amadou Samb twaqqa’ appena daħal fil-kaxxa bir-referee jordna l-penalty, iżda x-xutt ċentrali ta’ Ryan Darmanin kien imblukkat b’siequ mill-goalkeeper Grima.
Fl-aħħar mumenti tat-taqsima Marsa żiedu sew l-isforzi tagħhom b’xutt ta’ Siraj Arab imtajjar minn fuq il-linja minn Camilleri u daqqa ta’ ras ta’ Ryan Darmanin għaddiet tħakkek ma’ sieq il-lasta.

Għaxar minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima St.Andrews marru fil-vantaġġ b’azzjoni personali tal-Kolombjan Martinez li wara li rebaħ diversi kuntrasti skorja mill-viċin. Ir-reazzjoni ta’ Marsa kienet qawwija u fis-67 minuta kien Edin Arab li skorja ġmiel ta’ gowl minn qagħda angolata.


Vittoriosa S. ………………1
Pembroke A. ……………..4


Vittoriosa S: R. Marmara, C. Spiteri, K. Mercieca, E. Ayorinde, D. Borg Castaldi, J. Farrugia, D. Sowatey, Q. Bregman, I. Galea, D. Xuereb, A. Oularbi.
Pembroke A: M. Grech, A. Marshall, D. Sant, K. Frendo, E. Ferreira, J. Suda, T. Fenech, J. Bajada, R. Fenech, N. Ghio, S. Jankovic.
Referee: Daniel Portelli


Pembroke li prattikament kellhom iktar minn sieq waħda fil-Premier fl-istaġun li għadda, komplew fejn ħallew fil-ftuħ ta’ dan l-istaġun meta għelbu lil Vittoriosa bi prestazzjoni tajba u tliet gowls fl-ewwel taqsima biex aċċertaw mit-tliet punti.
Il-logħba bdiet bl-għoti ta’ penalty wara 18-il sekonda, probabilment rekord nazzjonali. Il-fawl sar fuq Jurgen Suda u wara l-protesti tal-plejers ta’ Vittoriosa kien l-istess Suda li skorja bi preċiżjoni.

Erba’ minutiu wara Pembroke skorjaw it-tieni gowl meta Suda qassam tajjeb mil-lemin lejn Ferreira li mattar siequ u spara fis-saqaf tax-xibka. Fid-39 minuta Pembroke għalqu l-logħba b’azzjoni tal-Brażiljan Ferreira fuq ix-xellug fejn qassam għan-nofs fejn Jankovic ħall l-ballun lil Bajada li spara fix-xibka għal gowl verament tajjeb.

Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima Vittoriosa naqqsu l-iskor meta kien hemm żball fid-difiża ta’ Pembroke u approfitta Denilson Borg Castaldi li dar mal-goalkeeper u skorja f’lasta vojta.
Pembroke għalqu tajjeb u kellhom diversi opportunitajiet fil-kontrattakki biex kwarta mit-tmiem serrħu rashom bir-raba’ gowl skorjat minn Ghio li kompla għal ġewwa bir-ras mill-viċin.