Lokali Qorti

Mixli bi traffikar ta’ kokaina u li qabbad tnejn minn nies jagħtu n-nar lil karozza tal-eks sieħba tiegħu

Raġel ta’ 32 sena residenti ż-Żejtun inżamm arrestat wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo bi traffikar ta’ droga kokaina u li qabbad tnejn minn nies jagħtu n-nar lill-karozza Range Rover tal-eks sieħba tiegħu. Allegatament il-persuna li qabbdet il-vettura miet ftit wara li seħħ il-każ u għalhekk ma setax jitressaq il-Qorti.

Il-prosekuzzjoni qalet lan Zammit magħruf bħala x-“Sugar” u li qal li jaħdem bħala Maniġer f’garaxx qabbad raġel mill-Maċedonja li saq raġel Malti ieħor sal-post tal-inċident fi Triq il-Ġebel Birżebbuġa li ta nar lill-karozza. Konsegwenza ta’ dan il-ħruq tliet karozzi oħra, Renault, BMW u Mitsubishi ġarrbu wkoll ħsarat kif saret ukoll ħsara fuq propjetà ta’ terzi fl-inħawi.

Il-każ seħħ fis-6 ta’ Lulju li għadda bil-Pulizija ta’ Birżebbuġa jmorru fuq il-post.Qal li wara li kienet mitkellma l-vittma saret ukoll inkjesta Maġisterjali fuq il-każ. Il-prosekuzzjoni qalet li miil-filmati li ttieħdu mis-CCTV’s fil-viċin u wara li kienu arrestati tliet persuni, rriżulta li kien ċertu Joseph Buttigieg magħruf bħala ‘Is-Sassu” li ħaraq il-karozza. Dan miet wara l-każ u għalhekk kienu żewġt irġiel li ġew mitkellma mill-Pulizija.

Minn aktar investigazzjonijiet li saru rriżulta wkoll li r-raġel mill-Maċedonja ammetta b’kompliċità fil-każ tal-ħruq tal-karozza fejn kien qal ukoll li kien jixtri d-droga mingħand l-akkużat. It-tnejn kienu ġew arrestati bil-Maċedonjan jingħata sentenza sospiża wara li ammetta.

Il-prosekuzzjoni qalet li Zammit kien ingħata l-police bail u minn aktar investigazzjonijiet ħareġ kif f’mument minnhom l-akkużat ma riedx flus mingħand il-Maċedonjan u minflok talbu jagħmillu pjaċir biex imur u jaħraq il-karozza tal-eks sieħba tiegħu. Ingħad li l-karozza ngħatat in-nar permezz tal-fjuwil li kien għand il-persuni li wettqet ir-reat meta ntlemħet ħierġa mill-karozza b’kontenitur.

Ħareġ ukoll fil-Qorti li r-raġel mill-Maċedonja kien beża’ ħafna wara li ħaraq lill-karozza, bl-akkużat iseraħħlu rasu li l-Pulizija ma kienu se jagħmlu xejn u dan wara li qallu li kien daħħlu fl-inkwiet. Il-Pulizija ċċekkjat ukoll il-mobajl tal-akkużat u ta’ sieħbu fejn instabu divers SMS’s li tefgħu aktar dawl fuq il-każ. Mill-estrazzjoni tal-mobajl ta’ Zammit kien hemm ħafna ritratti ta’ trab abjad u somom kbar ta’ flus ta’ madwar €40,000.

L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri li deheru għal Zammit għamlu talba għall-pleġġ li sabet oġġezzjoni qawwija mill-prosekuzzjoni minħabba n-natura tal-każ u li għad iridu jixhdu l-vittmi. Oġġezzjona oħra kienet minħabba n-natura tal-każ.

L-Ispetturi Mario Xiberras u Geoffrey Scicluna qalu li mhux sew li għax wieħed ikollu xi jgħid mas-sieħba tiegħu jaqbad u jagħti n-nar lill-karozza tagħha. Issemma’ wkoll il-fatt li f’temp ta’ tliet siegħat meta r-raġel mill-Maċedonja ried id-droga, l-akkużat ġablu l- kokaina. Huma qalu wkoll li meta ngħata l-police u bagħtu għalih dejjem mar mingħajr problemi.

L-Avukat Franco Debono qal li r-relevanza trid tkun fuq il-pleġġ fejn l-aktar ħaġa mportanti hija li kull meta l-Pulizija bagħtu għalih dejjem ġie, police bail, kif qalu l-istess Pulzija. “Int tajtu l-‘bail’ kif il-Qorti le.

“Xehed diġa wieħed minnhom u vera hemm il-vittmi imma x-xhieda ta’ dawn mhux sensisttiva, wieħed miet u l-ieħor ta x-xhieda bil-ġurament fuql-każ li nqata u saret inkjesta”, qal l-Avukat Debono. Huwa issuġerixxa li jekk l-akkużat għandu problema ta’ użu ta’ droga għandu jinħata l-‘bail supervision’ u qal li jekk hemm biża li jistgħu jiġu kontaminati l-provi, dan seta; sar qabel, għax il-każ seħħ aktar minn xaharejn ilu.

Il-Qorti wara li kkunsidrat in-natura tal-każ u n-natura tal-akkużi u wara li rat id-dokument esebiti nkluż l-kondotta tiegħu f’dan l-istadju ċaħdet it-talba minħabba l-possibilità ta’ kontaminazzjoni tal-provi.  Il-Qorti stiednet lill-prosekuzzjoni biex tħarrek lix-xhieda f’dawn il-proċeduri mingħajr dewmien.