Lokali

Skeda ġdida u dehra ġdida għal Net News

Net News bi studios ġodda għall-iskeda l-ġdida, dan filwaqt li l-kamra tal-aħbarijiet ta’ Net Television se tibqa’ toffri s-servizz eċċellenti li offriet tul l-aħħar snin, kemm fuq it-televiżjoni kif ukoll fuq Net FM, il-website netnews.com.mt u l-gazzetti ‘In-Nazzjon’ u ‘il-mument’.

Il-bulettin sħiħ ta’ Net News ser jibqa’ jixxandar kuljum fis-7:30pm filwaqt li jkomplu wkoll l-aġġornamenti f’12:00, fis-14:00, fl-16:00, fis-18:00, fid-21:30 u fil-11:00pm. Fuq Net FM, Net News ser jibqa jwassal tliet bulettin tal-aħbarijiet kuljum u aġġornamenti regolari.

Apparti aħbarijiet kontinwi u esklussivi fuq il-portal netnews.com.mt, il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Net Television ser tkompli ssaħħaħ il-preżenza tagħha fuq il-media soċjali permezz tal-pjattaformi fuq Facebook, Instagram u Tiktok.

L-iskeda l-ġdida ta’ Net Television, se ġġib magħha wkoll dehra ġdida għall-istudios ta’ Net News.

Skont l-ahhar surveys, il-bulettin tas-7:30pm ta’ Net News qed ikun segwit minn medja ta’ 50,000 persuna kuljum, filwaqt li l-ammont totali ta’ views fil-website ta’ Net News issa qed jaqbeż ż-żewġ miljuni fix-xahar. 

Intant, għal sena oħra, il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Net Television ser terġa’ ttella’ programmi ta’ ġrajjiet kurrenti fosthom il-programm NEWSROOM li se jixxandar kull nhar ta’ Tnejn fil-9:40pm u li se jkun preżentat minn Rebecca Toutoungi bi produzzjoni ta’ Simon Vella Gregory kif ukoll il-programm Net Live li għal staġun ieħor se jixxandar fuq dan l-istazzjon matul il-ġimgħa qabel l-aħbarijiet tas-7:30pm. Net Live għandu produzzjoni ta’ Robert Cremona, Maria Francalanza u Christine Amaira. Dan il-program se jkun preżentat minn Robert Cremona u Lisa Spiteri.

L-iskeda l-ġdida ta’ Net Television u Net FM tibda fis-27 ta’ Settembru li ġej.

Ikkummenta