Internazzjonali

Slovakkja: Il-Papa jappella għall-fraternità u s-solidarjetà

Il-Papa Franġisku fl-aħħar sigħat ħeġġeġ biex il-poplu tas-Slovakkja jaħdem aktar fl-interessi tal-paċi u l-integrazzjoni waqt li juri sens akbar ta’ fraternità u ospitalità. Il-messaġġ tal-Papa lis-Slovakki kien biex huma ‘jaqsmu l-ħobż ma’ ħaddieħor’ u jkattru l-ugwaljanza bħala aspett ta’ għaqda li jsaħħaħ lill-pajjiż.

Il-Papa ħareġ bl-appell waqt diskors fil-Palazz Presidenzjali ta’ Bratislava fejn kien qed jindirizza lill-uffiċjali tal-Gvern, lill-membri tal-korp diplomatiku u lill-kapijiet ċivili u reliġjużi. Dan meta l-Kap tal-Kattoliċi jinsab għaddej bl-24 vjaġġ apostoliku tal-Pontifikat tiegħu ‘il hinn mill-Vatikan.

Iż-żjara tal-Papa fis-Slovakkja,intant, hi programmata fuq tlett ijiem wara li hu ikkonkluda t-52 Kungress Ewkaristiku Internazzjonali f’Budapest, il-kapitali tal-Ungerija.

Sadanittant, il-Papa faħħar il-mod paċifiku kif l-eks Ċekoslovakkja nqasmet f’żewġ pajjiżi separati ( is-Slovakkja u r-Repubblika Ċeka) 28 sena ilu. Hu saħaq ukoll li s-Slovakkja għandha l-opportunità biex twassal messaġġ ta’ paċi ‘lill-qalba tal-Ewropa’ u li s-sentimenti ta’ fraternità fuq bażi nazzjonali jibqgħu neċessarji ferm għall-proċess tal-paċi u l-integrazzjoni.