Lokali

‘Ulied il-Lejl’ kull nhar ta’ Tnejn filgħaxija fuq Net TV

Fost it-telespettaturi Maltin bla dubju li hemm stennija kbira għas-sensiela l-ġdida ‘Ulied il-Lejl’ li se tibda tixxandar mis-27 ta’ Settembru fuq Net Television.

Is-serje ‘Ulied il-Lejl’ ser tkun ibbazata fuq ir-rumanzi ‘Suwed Ulied il-Lejl’, miktuba minn Charles Micallef St John. Dawn ir-rumanzi huma maqsuma f’4 volumi, bl-isem ‘Ġorġa’, ‘Tumas’, ‘Lunzjat’ u ‘Jason’.

Meta tkelmet ma’ Net News, il-producer ta’ din is-serje Mariaelena Tanti Gregoraci qaltilna li din is-sensiela mistennija li tintlaqa tajjeb ħafna mit-telespettaturi Maltin għaliex se toħodna lura fil-perjodu tal-1860 u permezz ta’ din is-serje…bi produzzjoni ta’ Charles Stroud…. il-pubbliku ser jkun qiegħed jsegwi tradizzjonijiet antiki, f’Malta tal-imgħoddi.

Is-sensiela ‘Ulied il-Lejl’ titratta storja ta’ familja tipika Maltija li tizvolġi f’ġenerazzjonijiet differenti, minn episodju għal ieħor – tibda fl-aħħar kwart tas-seklu dsatax u tispiċċa madwar mitt sena wara.

Is-serje ‘Ulied il-Lejl’ se tkun imqassma f’27 episodju, u l-ewwel wieħed se jiffoka fuq il-karattru u l-istorja ta’ Ġorġa; karattru li huwa interpretat minn Chanelle Cardona.

Din is-sensiela ser toħodna fi zmien meta t-tfal kienu jilagħbu fit-triqat u l-għelieqi … u karozza kienet lussu, u rari tinterrompi logħba ballun fit-triqat. F’dawk iz-żmienijiet, is-subien kienu jilagħbu bil-boċċi u l-bniet biż-żibeġ, u dan kollu ser kun qiegħed jintwera f’din is-sensiela.