Internazzjonali

Covid-19: Mewġa ġdida tal-virus relatata ma’ skola privata

Iċ-Ċina, bħalissa, għaddejja minn mewġa ġdida ta’ infezzjonijiet bil-coronavirus u meta s-sors ta’ dan jidher li kienet skola primarja fil-provinċja ta’ Fujian.

Filwaqt li għaddejjin l-investigazzjonijiet, qed jingħad li l-‘epidemija ġdida’ kapaċi hi dovuta għall-missier ta’ wieħed mill-istudenti li kien ittestja pożittiv għall-Covid matul il-ġimgħa li għaddiet wara li rritorna pajjiżu minn Singapore.

Intant, l-awtoritajiet ta’ Fujian ħarġu direttivi biex l-għalliema u l-istudenti jgħaddu minn testijiet għall-virus fi żmien ġimgħa – u wara li ‘il fuq minn 100 każ kienu rappurtati f’perjodu ta’ erbat ijiem.

L-aħħar mewġa ta’ infezzjonijiet qed isseħħ proprju xahar wara li l-awtoritajiet Ċiniżi rnexxielhom irażżnu mewġa tal-virus simili f’Nanjing, li kienet ukoll l-akbar inċidenza tal-Covid wara l-ewwel epidemija ta’ Wuhan, fil-bidu tal-2020.

Jidher li l-akbar ammont ta’ infezzjonijiet ġodda feġġew fil-belt ta’ Putian, fil-provinċja ta’ Fujian, u fejn qegħdin jgħixu mat-tliet miljun resident. Dan meta l-ewwel każi hemmhekk qed ikunu konnessi mal-iskola primarja inkwistjoni — bl-uffiċjali fil-provinċja ta’ Fujian qed jieħdu l-passi kollha lejn il-kontroll tal-aħħar mewġa tal-virus.

Fil-preżent, l-iskejjel mhumiex qed jiftħu u kwalunkwe persuna li trid tħalli l-inħawi ta’ Putian teħtieġ tippreżenta l-provi ta’ test negattiv għall-Covid li tkun ħadet 48 siegħa qabel iż-żmien previst tat-tluq.

Intant, is-siti u kumplessi għall-pubbliku – fosthom is-swali taċ-ċinema, il-mużewijiet u l-libreriji – kienu avżati biex jissospendu l-attivitajiet fuq ġewwa waqt li r-ristoranti kienu mitluba biex jillimitaw il-ħinijiet tal-ftuh.

L-ibliet ta’ Xiamen u Quanzhou ukoll spiċċaw infettati minn din il-mewġa ta’ infezzjonijiet, bil-ħwienet tax-xorb u l-gymnasiums qed jibqgħu magħluqin fil-belt ta’ Xiamen. Intant, kienu identifikati għexieren ta’ każi tal-virus fi Xiamen, bil-parti kbira tagħhom ikunu relatati ma’ kuntatti man-nies ta’ Putian.