Fil-21 ta’ Settembru, Jum l-Indipendenza, wieħed jista’ jivvjaġġa tul l-istorja mlewna tal-Gżejjer Maltin billi jżur erbgħa mis-siti u l-mużewijiet ta’ Heritage Malta li normalment ikunu magħluqin nhar ta’ Tlieta.
Dawn huma l-Forti Sant’Anġlu, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Katakombi ta’ San Pawl u l-Armerija tal-Palazz.
Wieħed jista’ jżur il-Katakombi ta’ San Pawl fil-qalba tar-Rabat, bi storja li tmur lura sal-perjodi bikrin tal-istorja ta’ Malta kif ukoll iż-żmien tal-medjuevu.
Il-katakombi jinsabu lil hinn mill-belt ta’ Melite, li llum nafuha bħala l-Imdina, billi l-liġi Rumana ma kinitx tippermetti dfin fil-belt innifisha.
Bdew jintużaw għad-dfin fil-perjodu Puniku u Ruman u jirrappreżentaw l-ewwel u l-akbar evidenza arkeoloġika tal-Kristjaneżmu f’pajjiżna. Irrabta ma’ San Pawl ġejja mill-mit li dawn il-katakombi xi darba kienu jagħtu għall-grotta
ddedikata lill-qaddis.
Sit ieħor li se jkun miftuħ għall-pubblika huwa l-Mużew tal-Arkeoloġija, li jinsab fil-Berġa ta’ Provenza, il-Belt Valletta, waħda mill-aktar binjiet b’tiżjin Barokk elaborat fil-belt kapitali.
Il-kollezzjoni esebita hawnhekk tmur lura sa 5000 sena qabel Kristu u tinkludi għodod preistoriċi u wħud mill-aktar rappreżentazzjonijiet artistiċi bikrin li nafu bihom s’issa.
Bħalissa dawk li jżuru l-mużew jistgħu wkoll jaraw il-kranji li kienu nstabu fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni u li sa tmiem din is-sena huma esebiti fil-wirja ‘Alien Headaches? The Hypogeum Skulls Enigma’.
Ftit passi ’l bogħod, se tkun miftuħa għall-wiri l-Armerija tal-Palazz, li tieħu lill-viżitatur lura fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann.
Fost l-aktar artefatti notevoli tal-Armerija nsibu l-korazzi tal-Gran Mastri Alof de Wignacourt u Jean de la Valette, korazzi u armi li ntużaw mill-qawwiet talImperu Ottoman matul l-Assedju l-Kbir tal-1565, kif ukoll għażla ta’ artillerija.
Fuq in-naħa l-oħra tal-Port il-Kbir, il-Forti Sant’Anġlu wkoll se jkun qed jilqa’ l-viżitaturi nhar l-Indipendenza.
Tul dawn l-aħħar elf sena, kull min ħa dan il-forti f’idejh seta’ effettivament imexxi l-Gżejjer Maltin.
Għalhekk l-ebda forti ieħor ma kien involut blistess intensità fit-tiswir tad-destin ta’ Malta.
Illum dan il-forti hu meqjus bħala l-aqwa tifkira tal-importanza strateġika ta’ dawn il-gżejjer u l-ħajjiet kollha li ġew sagrifikati għall-ħakma tagħhom.
Il-ħinijiet tal-ftuħ speċjali ta’ dawn is-siti huwa mill-10:00 sal-16:30.
//= $special ?>