Ambjent Lokali

Gvern ġdid Nazzjonalista jgħin lill-bdiewa jsiru sid ir-raba privat u jirregolarizza l-qbiela tal-Gvern

“Nipproteġu l-pajsaġġ u l-prodott Malti”

Hekk intqal tul konferenza tal-aħbarjiet indirizzata mill-kelliem ewlieni tal-PN Peter Agius, id-Deputat Edwin Vassallo u l-kandidata Rebekah Cilia fejn kien aċċenn fuq kif Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jgħin lill-bdiewa jsiru sid ir-raba privat u jirregolarizza l-qbiela tal-Gvern, fejn infatti ħabbru tliet proposti b’rabta ma’ din it-tema.

Proposti:

Żewġ skemi ewlenin li jgħinu lill-bidwi jixtri art agrikola jew jgħinuh iħallas il-qbiela bi prezz ġust lis-sid ta’ raba privat.

  1. Gvern ġdid Nazzjonalista iniedi skema ta’ għajnuna biex bdiewa attivi jakkwistaw direttament  ir-raba tagħhom b’self bla interessi u bla spejjeż garantit ukoll taht skema tal-gvern minn fond apposta disponibbli bħala garanzija mal-banek. Tali skema tkun miftuħa għall-bdiewa kollha eżistenti li jridu jakkwistaw raba mingħand il-privat. B’dan il-mod nindirizzaw indirettament il-kwistjoni tal-bżonn ta’ prezz ġust għar-raba privat li bħalissa qed taħt skrutinju tal-qrati.

Tali skema tkun miftuħa ukoll għal bdiewa żgħażagħ li jridu jidhlu fil-mistier agrikolu.

2. Gvern ġdid Nazzjonalista iniedi skema ta’ għajnuna diretta fuq il-ħlas ta’ qbiela fuq art privata. Tali skema tkun tinkludi rimbors sa’ 70% tal-prezz tal-qbiela għal bdiewa li jagħtu prova ta’ produzzjoni ta’ ħxejjex u frott mibjugħa fuq is-suq lokali, b’dan inkunu qed nistimulaw u ninkoraġixxu l-produzzjoni u l-konsum tal-prodott malti.

Tali skemi jkunu abbinati wkoll ma’ sussidji li jistgħu jiġu applikati mill-Programm Rurali Ewropew għal miżuri ta’ ‘greening’ li jinkoraġġixxu il-bijodiversita fil-kampanja Maltija, inkluż it-tħawwil ta’ siġar, partikularment dawk indiġeni jew tipiċi tal-pajsaġġ Malti, b’mod illi dawn il-‘green corridors’ ikunu ta’ rifuġju għal fawna u flora Maltija.

L-iskemi kollha msemmija jkunu kompletament volontarji u jkunu bla preġudizzju għal trattattivi oħra li jistgħu isiru bejn privati fuq qbiela privat u bla preġudizzju għas-sentenzi tal-Qorti.

3. Fl-istess waqt u indipendentement minn dan t’hawn fuq jeħtieġ li jitħaffef il-proċess ta regolarizzazzjoni ta qbiela tal-Gvern u li jiġu deċiżi l-bosta każijiet ta’ qbiela mal-gvern bi kwistjonijiet pendenti ta’ titlu jew reġistrazzjoni. Għal dan il-għan għandu jinħoloq bord amministrattiv ad hoc bis-setgħa li jaqta’ każijiet f’qasir żmien bi struzzjoni lill-awtoritajiet tal-gvern inkluż id-dipartiment tal-artijiet u r-reġistru tal-artijiet.