Segwi l-intervista billi tidħol hawnhekk.
“PN fil-Gvern se jkun qed imexxi li jara li fuq kollox l-ispazji li huma barra ż-żoni ta’ żvilupp, dak li allura nafuh bħala art ODZ ser naraw li jibqgħu hekk għal dejjem għaliex ser nagħtuhom protezzjoni leġislattiva li biex tinbidel ikollha bżonn iż-żewġ terzi tal-Parlament.”
Hekk qal il-Kap tal-PN Bernard Grech tul sessjoni oħra ta’ mistoqsija u tweġiba li ttellgħat f’Raħal Ġdid, sessjoni oħra bit-tema Kun il-Bidla li trattat l-ambjent, fejn tenna li mhux biss bħala pajjiż irridu nżommu żoni tal-ODZ iżda li ma nittolerawx żvilupp u jinxtraw lura l-artijiet sabiex jingħataw lura żoni miftuħa lill-pubbliku.
“L-ambjent huwa tal-poplu, l-ambjent taħt Gvern Nazzjonalista se jkun tal-poplu”
Huwa qal li bħala poplu rridu nieħdu ħsieb l-ambjent, li nagħmlu lkoll il-biċċa tagħna, anki fil-mod kif narmu l-iskart, u kif nwettqu r-riċiklaġġ.
Ambjent li se jkun qed iħares is-saħħa mentali tal-poplu Malti u Għawdxi
Il-Kap tal-PN qal li l-politika favur ambjent sagħan, trid tibqa’ mtennija, biex il-pubbliku jifhem din il-politika u l-imħabba li għandu jkollna lejn l-ambjent.
“Is-saħħa u l-ambjent jridu jinsinġu ma’ xulxin biex intejbu l-ħajja tagħna”
Huwa tenna li l-art Maltija hija importanti, u li l-PN se jaħdem biex ma tibqax tinqered art agrikola, u li f’żoni ta’ żvilupp mhux se jintmissu d-drittijiet tan-nies, u fejn hu protett għandu jinżamm protett.
“Mhux aċċettabbli li jkollna miżuri u standards li ma jkunux imħarsa. Jeħtieġ li jkun hemm infurzar kif suppost biex anki jservi forma ta’ edukazzjoni. Din tgħodd għal dawk kollha li se jkunu qed jiżvillupaw. Imkien mhu ta’ wieħed biss, aħna qed ngħixu f’komunità”
“Ħtieġa ta’ spazji miftuħa, għall-pubbliku”
L-ispazji pubbliċi jridu jibqgħu pubbliċu. Hekk aċċenna l-Kap tal-PN, fejn anki tkellem dwar iż-żona tal-Ħondoq f’Għawdex, proposta tal-PN biex din l-art tirritorna għand il-pubbliku.
Mistoqsi dwar il-proġett li propona l-Gvern dwar il-Marina f’Marsaskala b’Bernard Grech jtenni li l-marina kif proposta mhux aċċettabbli u li l-PN se jibqa’ mal-Iskalin.
“L-appell tiegħi huwa ċar, bidla fil-mod kif nagħmlu politika, marina kif proposta mhux aċċettabbli. Aħna qegħdin mal-Iskalin, Marina f’Wied il-Għajn kif proposta mhux aċċettabbli, imma aħna se nkun qed naħdmu għal aktar organizzazzjoni ta’ dgħajjes“
Bernard Grech tenna li PN se jkun mar-residenti, għax jemmen fil-ħajja tan-nies. Huwa qal li din mhux kwistjoni ta’ blu jew aħmar, iżda ġlieda għall-ambjent Malti li jista’ jitgawda minn kulħadd.
“Konferenza dwar it-tibdil fil-klima biex il-politika tal-PN tkun qed tħares l-ambjent tagħna”
Mistoqsi dwar it-tibdil fil-klima, Bernard Grech qal li din il-konferenza se ssir biex mal-pubbliku l-PN iħejji politika għall-preżent u għall-futur. Il-Kap tal-PN qal li jeħtieġ li f’pajjiżna noħolqu skemi u inċentivi biex jitnaqqas it-tniġġis.
Bernard Grech qal li PN se jkun hemm jagħmel tragwardi ġodda biex l-ambjent Malti prottett, dan qed jurih, anki fil-mod kif wettaq nieda l-proposti dwar l-enerġija.
“Gvern Nazzjonalista se jagħmel mezz li sal-2030 irrid nara li nofs il-vetturi li għandna fil-pajjiż jaħdmu bl-elettriku“
Bernard Grech qal li l-bidla tista’ tiġi biss jekk ilkoll niġbdu ħabel wieħed. Huwa qal li l-politika hija għodda importanti li biha nistgħu nimxu ‘l quddiem, iżda jeħtieġ sforz kollettiv.
Tul din is-sessjoni tkellmu wkoll numru ta’ individwi inkluż Jamie Merieca mill-għaqda Flimkien għal ambjent aħjar (FAA) fejn qal li l-ispazji pubbliċi f’pajjiżna ma jistgħux jibqgħu jittieħdu. Huwa qal li azzjonijiet bħal dawn qed isiru ma’ Malta u Għawdex kollha.
Kien hemm ukoll James Debono u Michelle Attard Tonna mill-grupp ROTA. Attard Tonna qalet li l-użu tar-rota għandu jingħata prijorità, fejn appellat biex il-PN ikun kuraġġuż u jibqa’ jfassal politika ambjentali.
James Debono qal li hu jaħdem il-Belt, u jmur ix-xogħol bir-rota, huwa qal li r-rota nnifisha qed tagħmel bidla f’saħħtu. Huwa qal li jeħtieġ li jkun hemm bidla fil-mentalità u li dan huwa l-irwol tal-politiċi biex jinbidel il-ħsieb dwar kif nistgħu nivvjaġaw bi trasport alternattiv u nadif.
//= $special ?>