Coronavirus Lokali Saħħa

Il-PN huwa determinat li jwassal il-vuċi ta’ dawk li ġew affettwati mill-kwarantina fil-lukandi

Il-Partit Nazzjonalista huwa konxju u sensittiv għall-bżonnijiet tan-nies

Il-Partit Nazzjonalista huwa determinat li l-għodda politika tiegħu jużaha kif suppost għax il-Partit Nazzjonalista huwa determinat li jwassal il-vuċi ta’ kulħadd anke ta’ dawk li ġew affettwati mill-kwarantina fil-lukandi.

Kien dan il-messaġġ li ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-Deputati Nazzjonalisti Claudette Buttigieg u Clyde Puli li jiffurmaw parti mill-Covid Action Team. Konferenza li indirizzat il-problema li qed jaffaċċjaw diversi Maltin li jirritornaw Malta wara vjaġġ f’pajjiż ieħor.

Claudette Buttigieg qalet li sal-lum, kull minn jivvajaġġa lejn pajjiż li jinsab fil-lista l-ħamra u jirritorna Malta jrid iħallas sabiex jagħmel kwarantina f’lukanda. Konsegwenza ta’ dan kien hemm ħafna persuni li kellhom iħallsu sabiex joqogħdu fi kwarantina minkejja li għandhom proprjetà fejn joqogħdu. Hija għamlet referenza għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Bernard Grech meta tkellem fuq il-bżonn li dawn il-persuni għandhom jitħallew jagħmlu kwarantina f’darhom.

B’reazzjoni għal dak li qal il-Kap tal-PN, il-Gvern irreġixxa u qal li għada se jħabbar tibdil f’dan il-protokoll. Turija ċara ta’ Gvern reattiv.

Min-naħa tiegħu Clyde Puli qal li l-Partit Nazzjonalista tkellem ma’ ħafna nies u sema’ kif kienet qed tolqothom din il-miżura. Il-PN jaqbel li persuni li jkunu ġejjn minn dawn il-pajjiżi li jinsabu fuq il-lista l-ħamra, għandhom jagħmlu kwarantina sabiex titħares is-saħħa pubblika. Huwa rrefera għall-każ partikolari ta’ tfalja li għandha d-down syndrome li huwa diffiċli ferm għaliha li tagħmel dan il-perjodu ta’ kwarantina f’ambjent li mhux id-dar tagħha.

Clyde Puli qal li għalhekk il-PN qiegħed itenni l-proposta li għamel il-Kap tal-PN Bernard Grech sabiex titneħħa din il- kwarantina mandatorja f’lukanda bi ħals għal min għandu residenza f’Malta. Dan għaliex il-Partit Nazzjonalista huwa konxju u sensittiv għall-bżonnijiet tal-persuni.