Internazzjonali

In-Norveġja taħseb fil-futur taħt Gvern ġdid

In-Norveġiżi se jkunu mmexxija minn Gvern ġdid wara li l-Konservattivi tal-Prim Minsitru Erna Solberg tilfu l-elezzjoni ġenerali ta’ nhar it-Tnejn u meta kollox qed jitħejja għall-konferma ta’ koalizzjoni ġdida taċ-ċentru-xellug f’Oslo.

L-elezzjoni ntrebħet mill-Partit Laburista taħt it-tmexxija ta’ Jonas Gahr Stoere, b’Solberg tirrikonixxi t-telfa u t-twitti t-triq lejn l-amministrazzjoni ġdida.

L-ewwel impenn għal Jonas Gahr Stoere hu li jistabbilixxi Gvern flimkien mal-alleati preferuti tal-partit tiegħu. Stoere, issa, mistenni jissieħeb f’taħditiet għal koalizzjoni mal-Partit Norveġiż taċ-Ċentru u mal-Partit Soċjalista tax-Xellug, bil-għan li jkun jista’ jiggverna bl-appoġġ tal-maġġoranza.

Intant, il-Partit Norveġiż taċ-Ċentru kiseb suċċess kbir f’din l-elezzjoni wara li rebaħ 28 siġġu fil-Parlament.

Il-kampanja elettorali kienet iddominata mill-effetti tal-bidliet fil-klima kif ukoll mill-industrija taż-żejt fin-Norveġja. Filwaqt li n-Norveġja hi magħrufa għall-esportazzjoni taż-żejt, il-Partit tal-Ħodor kien mexxa kampanja biex tingħalaq il-produzzjoni taż-żejt fi kwistjoni ta’ snin, bil-għan li jonqsu l-carbon emissions tal-pajjiż.