Għawdex Lokali

Infrastructure Malta għandha tippubblika d-dettalji dwar il-permanent link – PN

Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għall-aħbar mogħtija minn Infrastructure Malta li wieħed minn erba’ konsorzji ġie shortlisted għall-proġett tal-permanent link bejn Malta u Għawdex. Wara dan l-iżvilupp, huwa dmir ta’ Infrastructure Malta li tippubblika d-dettalji kollha li ġew sottomessi minn dan il-konsorzju.

Il-PN permezz ta’ stqarrija mill-kelliema mill-kelliem Chris Said kelliem għal Għawdex u Toni Bezzina kelliem għat-Trasport u l-Infrastruttura qal li Infrastructure Malta għandha wkoll tagħti d-dettalji kollha dwar x’wassal biex it-tliet konsorzja l-oħra li ssottomettew l-interess tagħhom ġew eliminati f’dan l-istadju preliminari.

Il-pubbliku għandu dritt jkun jaf x’ tip ta’ link permanenti qed jiġi propost minn dan il-konsorzju. Dan flimkien ma’ dettalji oħra importanti bħal kif qed jipproponi li jiġi ffinanzjat dan il-proġett u jekk sarux l-istudji neċessarji dwar l-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi minn esperti fl-oqsma kollha relatati u jekk fl-affermattiv, x’kien l-eżitu tagħhom.  Jidher ċar li hemm hafna studji importanti li għadhom ma sarux u dawk li saru ma sarux b’ mod serju.  Dan ma jistax ikun aċċettabbli meta qed jiġi kunsidrat proġett ta’ dan il-kobor.

Il-Partit Nazzjonalista jsostni wkoll li dawk l-istudji li saru, għandhom jiġu pubblikati u mfissra lill-pubbliku b’ tali mod li jiġi spjegat dak li jirriżulta minn dawn l-istudji: kemm l-effetti pożittivi kif ukoll dawk negattivi.  Fuq kollox, għandha issir ukoll konsultazzjoni mill-aktar wiesgħa fuq dan il-proġett li finalment għandha twassal għal referendum, li huwa l-aqwa għodda ta’ konsultazzjoni.

Fin-nuqqas li l-Gvern jonqos milli jagħmel, jippublika, jispjega u jikkonsulta fid-dettal dawn l-istudji, jkun qiegħed jabdika mir-responsabilitá li għandu lejn il-poplu. Il-fatt li beħsiebu jibqa’ għaddej romblu minn fuq kulħadd, ma jista jkun qatt aċċettat.