Ekonomija Lokali

Jogħlew aktar prodotti essenzjali

Numru ta’ furnara ma kellhomx għażla oħra għajr li jgħollu l-prezzijiet tal-prodotti tagħhom wara li tliet snin ilu kienu ppruvaw jassorbu huma ż-żidiet fl-ispejjeż tad-dqiq.

Minbarra li żdied il-prezz tal-ħobża Maltija, kemm dik żgħira kif ukoll dik kbira, żdiedu wkoll il-prezzijiet ta’ prodotti oħrajn tal-forn. Il-panini ż-żgħar żdiedu b’5ċ-il waħda. Il-ftajjar ukoll raw żieda, hekk kif ftira kbira li kienet tinbiegħ €1, issa qed tinbiegħ €1.10.

Il-furnara qed jgħidu li minbarra ż-żieda sostanzjali li kien hemm fil-prezz tad-dqiq riċentament, għolew ukoll il-prezzijiet ta’ prodotti oħra li jintużaw fil-produzzjoni tal-ħobż. Fost l-ingredjenti li għolew hemm il-margerine, iż-żejt u l-ġunġlien. 

Bosta furnara tradizzjonali li diġà kienu qed ibatu minn kompetizzjoni kbira minn ħwienet akbar, illum qed isibuha diffiċli aktar minn qatt qabel biex iżommu l-prezzijiet tagħhom kompetittivi, bir-riskju li nkomplu naraw aktar minn dawn il-fran li huma parti mill-kultura u l-wirt tagħna, jagħlqu l-bibien tagħhom darba għal dejjem.

Dawn iż-żidiet mhux biss huma ta’ inkwiet għall-furnara, iżda qed jinħassu wkoll b’mod tanġibbli fuq il-bwiet tal-familji Maltin. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-aktar affarijiet bażiċi qed tinħass l-aktar minn dawk bl-aktar dħul baxx u fil-faxex baxxi tas-soċjetà tagħna.

Fost l-affarijiet li għolew sostanzjalment fl-aħħar sentejn jew tlieta, minbarra l-ħobż, kien hemm il-ħalib u l-prodotti tiegħu, numru ta’ mediċini u prodotti tal-kura personali.

Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-Gvern jirrimedja b’mod konkret u konsistenti din is-sitwazzjoni li qed tkun ta’ piż kbir fuq eluf ta’ persuni.