Lokali Transport

Konfużjoni fis-Swieqi minħabba nuqqas ta’ pjanar mill-Gvern

Konfużjoni u konġestjoni. 

Hekk ġiet deskritta s-sitwazzjoni preżenti fis-Swieqi wara li minkejja l-appelli tal-Kunsill biex l-awtoritajiet ma jimxux bil-pjanijiet preżenti, il-Gvern għażel li jagħlaq widnejh u jibqa’ għaddej mingħajr ma ġab fil-kunsiderazzjoni l-interess tar-residenti. Dan b’rabta ma’ xoghlijiet li bdew din il-gimgha fid-dahla tal-lokalità.

Is-Sindku tas-Swieqi, Noel Muscat spjega ma’ Net News li għalkemm li l-Kunsill Lokali indika għal darba tnejn tlieta biex f’dawn l-alternazzjonijiet tat-traffiku tingħata prijorità lir-residenti; iżda l-Gvern baqa’ ma tax każ. Muscat qalilna li hu personali bagħat korrispondenza anke lill-PM Robert Abela, iżda evidenti li kollox kien għal xejn, bir-residenti tas-Swieqi jingħataw bis-sieq.

Net News it-Tlieta filgħodu żar is-sitwazzjoni fi Triq Sant’Andrija – sitwazzjoni xejn pjaċevoli għas-sewwieqa, fejn sabu ma’ wiċċhom bosta bollards tal-konkos.

Qabel, f’din iz-zona, kellek 3 toroq ta’ ħruġ u dħul, għal ħruġ issa għandek Triq l-Ibraġ, Triq il-Qasam u Triq Dris li minnhom trid toħroġ u bilfors tikser fuq ix-xellug. Illum kif ġiet is-sitwazzjoni, id-dħul huwa biss minn triq waħda; Triq l-Ibraġġ.

Residenti fuq Facebook kitbu li damu minn tal-anqas nofsiegħa jistennew biex joħorġu mis-Swieqi…. b’oħrajn jilmentaw li minħabba l-problemi li ġabet magħha s-sitwazzjoni kif inhi, allaħares filgħodu tinqala’ emerġenza.