Internazzjonali

L-Eġittu: Żjara sinifikattiva mill-Prim Ministru Iżraeljan, bi ftit tamiet għal żviluppi lejn il-paċi mal-Palestinjani

Il-Prim Ministru Iżraeljan Naftali Bennett, fl-aħħar sigħat, iddiskuta numru ta’ issues bilaterali u reġjonali mal-President Eġizzjan Abdul Fattah al-Sisi waqt laqgħa rari bejn il-mexxejja taż-żewġ pajjiżi li saret fir-resort ta’ Sharm-el Sheikh, maġenb il-Baħar l-Aħmar.

Il-laqgħa inkwadrat fl-ewwel żjara ta’ Prim Ministru Iżraeljan fl-Eġittu għal għaxar snin  u meta ftit ingħataw dettalji dwar iż-żjara ta’ Bennett fil-Penisola ta’ Sinai, minħabba raġunijiet tas-sigurtà.

Filwaqt li t-taħditiet, allegatament, trattaw ‘il-mezzi li jistgħu jistimolaw il-proċess għall-paċi bejn Iżrael u l-Palestinjani’, mhux mistenni li sar il-progress rigward it-taħditiet għall-paċi li krollaw fl-2014. Dan ukoll għaliex il-Prim Ministru Bennett, politiku konservattiv, jopponi t-twaqqif ta’ Stat tal-Palestina.

Madankollu, minn din il-laqgħa ħarġet ukoll tama li jintlaħaq ftehim dwar ‘proġetti ta’ kostruzzjoni’ fil-Medda ta’ Gaza li hi kontrollata mill-militanti Iżlamiċi tal-Hamas. F’Mejju li għadda, l-Eġittu kien strumentali għal waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-gruppi tal-militanti Palestinjani ( inklużi tal-Hamas) fir-reġjun u wara ħdax-il jum ta’ kumbattimenti ħorox li ħallew mal-260 mejtin f’Gaza u 13 mejtin f’Iżrael.

Qabel il-mawra ta’ Bennett, Benjamin Netanyahu kien l-aħħar kap ta’ Gvern Iżraeljan li għamel żjara uffiċjali fl-Eġittu meta, fl-2011, kellu laqgħa mal-eks President Eġizzjan Hosni Mubarak. Din il-laqgħa seħħet ftit aktar minn xahar qabel l-istess Mubarak tkeċċa mill-poter waqt ir-rewwixta popolari f’pajjiżu.

Sadanittant, u minkejja li l-Eġittu, fl-1979, kien sar l-ewwel pajjiż Għarbi li ffirma trattat ta’ paċi ma’ Iżrael, ir-relazzjonijiet bilaterali kemm-il darba baqgħu fi stat biered.