Sport Waterpolo

L-Ispanjoli jkollhom jitħabtu wkoll biex għelbu liż-żgħażagħ Maltin

Rapport: Stewart Said

MALTA…..…….. 10

SPANJA………… 16

(5-3), (1-2), (3-5), (1-6)

Għalkemm waslet it-tielet telfa minn tliet logħbiet fi Grupp B, wirja oħra impenjattiva għat-tim Malti din id-darba kontra l-qawwa Spanjola. Id-distakk finali forsi ma jagħmilx ġustizzja mal-prestazzjoni taż-żgħażagħ Maltin hekk kif għal tliet kwarti tal-logħba qasmu l-konfront mal-avversarji, xhieda tal-impenn li urew kontra tim li għandu aktar kwalità.

Bidu mill-aqwa hekk kif wara l-gowl ta’ Spanja fl-ewwel attakk tagħhom, it-tim Malti kiseb vantaġġ ta’ 3-1 permezz ta’ doppjetta minn Sam Gialanze u Alec Fenech. Spanja pruvat darbtejn tnaqqas id-distakk għal gowl iżda t-tim Malti għaraf iwieġeb fiż-żewġ okkażjonijiet u temm is-sessjoni 5-3 minn fuq.

It-tieni sessjoni kienet aktar diffiċli iżda ż-żgħażagħ Maltin iddefendew b’għaqal u kien biss minn żewġ penalties li Spanja ġabet id-draw. Madankollu kien gowl preċiż ta’ Kieyan Borg li ħalla t-tim Malti minn fuq anki fit-tieni sessjoni.

Il-mument kruċjali tal-logħba seħħ fit-tielet sessjoni. Wara li Alec Fenech għamilhom 7-5 minn penalty, Spanja wieġbet u f’temp ta’ żewġ minuti skorjat erba’ darbiet. Minkejja dan l-iżvantaġġ, it-tim ta’ Anthony Farrugia wera qlubija u rkupra ż-żewġ gowls minn penalty ta’ Gialanze u gowl maħdum tajjeb minn man-up ta’ Jake Cachia. Iżda Marc Frigola Navarro minn man-up, ħalla lil Spanja fil-vantaġġ.

In-nuqqas ta’ konċentrazzjoni, partikolarment l-għajja, bdew iwasslu biex it-tim Malti jħalli l-ispazji, b’konsegwenza li Spanja ħadet vantaġġ. Malli fetħu distakk ta’ tliet gowls, il-logħba kellha direzzjoni waħda hekk kif l-Ispanjoli komplew jiskorjaw.

Malta: G. Borg, M. Mifsud (1), R. Spiteri, D. Rizzo, J. Cachia (1), M. Demarco, N. Schiavone, J. Cutajar, K. Borg (2), L. Mallia, A. Fenech (2), S. Gialanze (4), S. Mifsud

Spanja: X. Teclas Guillena, J. Villamayor Villar, G. Gill Cedo (3), D. Ivaylov Patchaliev (1), M. Frigola Navarro (2), H. Castro Fernandez (1), R. Lopez Duart (5), J. Ibanez Alvarez (2), J. Perez Rodriguez (1), B. Gomila Faiges, J. Otero Villalba (1), I. Gonzalez Fernandez, D. Garcia Plana

Referees: Vladimir Golikov (Russja), George Makharadze (Ukrajna)