Lokali

L-Ombudsman jippreżenta l-Ombudsplan 2022 lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia laqa’ fl-uffiċċju tiegħu lill-Ombudsman Parlamentari Anthony C. Mifsud, li ppreżentalu l-Ombudsplan għas-sena 2022 skont kif provdut fl-Att tal-1995 dwar l-Ombudsman.

Dan id-dokument  jagħti rendikont finanzjarju ta’ din l-istituzzjoni għas-sena 2021 u estimu ta’ nefqa għas-sena 2022, jindika l-attivitajiet maħsuba għas-sena 2022 u jitratta wkoll materji li fl-opinjoni tal-Ombudsman jistgħu jgħinu biex dejjem titjieb l-amministrazzjoni pubblika.

L-Ispeaker se jkun qed iqiegħed kopja tal-Ombudsplan 2022 fuq il-Mejda tal-Kamra mal-ewwel opportunità sabiex wara jkun jista’ jiġi diskuss fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra u sussegwentement jitressaq għall-approvazzjoni tal-istess Kamra tad-Deputati.