L-obbligu li nies residenti Malta jagħmlu l-kwarantina f’lukanda bi ħlas mhux miżura ta’ prevenzjoni iżda kastig għal min isiefer f’pajjiż fiz-zona ħamra. Sostniet dan il-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel (MUMN) li fi stqarrija qalet li hemm persuni li jsiefru f’dawn il-pajjiżi għax hemm il-bżonn u mhux b’kapriċċ.
Il-Union ikkundannat l-insensittivita’ tal-awtoritajiet fejn lanqas persuni bi bżonnijiet speċjali ma kienet eżentata minn dan il-kastig.
L-MUMN qalet li kellha tinvolvi ruħha wara li membru tagħha spiċċa maqful f’waħda minn dawn il-lukandi flimkien ma’ martu u bintu żgħira. U għall €100 kuljum, dawn kienu sfurzati ġo kamra mingħajr ikel u aċċess għall-internet għal ġimgħatejn sħaħ.
Barraminhekk, din il-miżura qed toħloq diffikultajiet kbar għal aġenziji li jġibu infermieri minn barra biex jaħdmu f’Malta.
L-MUMN appellat sabiex jinbidel l-Avviż Legali sabiex min għandu residenza f’Malta, ma jibqax ikun sfurzat jagħmel il-kwarantina f’lukanda fejn ċertu stabbilimenti qed jagħmlu l-flus minn fuq dahar nies li f’ħafna każi kellhom isiefru ta’ bilfors.
//= $special ?>