Lokali Qorti

Mhux se jixhed f’ġuri fuq traffikar ta’ cannabis minħabba t-tkaxkir tas-saqajn

Xhud importanti li allegatament kien ibiegħ id-droga minn garaxx ma jistax jixhed kontra sieħbu minħabba li l-ġuri tiegħu għadu ma sarx u għalhekk spiċċa dikjarat bħala xhud inamissibbli. Dan ix-xhud jinsab mixli li kien ibiegħ id-droga mill-garaxx ta’ sieħbu minn Ħal Tarxien, li beda għaddej ġuri quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera. Huwa kien ingħata parir mill-avukati tiegħu biex ma jixhidx fil-ġuri ta’ sieħbu għax jista’ jinkrimina lilu nniffsu.

Minkejja li dan it-traffikar allegatament seħħ kważi seba’ snin ilu, Wayne Grima, li fil-futur mistenni jgħaddi ġuri wkoll, kien fost il-lista tax-xhieda, 26 b’kollox, biex jagħti d-depożizzoni tiegħu fil-ġuri bir-riskju li d-difiża kienet tagħmel talba biex il-ġuri jiġi xolt. Mhux talli mhux se jixhed imma l-istqarrijiet li għamel Grima waqt l-investigazzjonijiet tal-Pulizija jridu jiġu sfilzati.

It-tkaxkir tas-saqajn minn naħa tal-Avukat Ġenerali wassal biex il-ġuri fil-konfront ta’ Tony Curmi ta’ 38 sena minn Ħal Tarxien, magħruf bħala l-“Bilbla” mixli li f’Novembru ta’ seba’ snin ilu ttraffika minn garaxx żewġ kilos droga cannabis, ikun hemm nieqes ix-xhud prinċipali Grima, u dan minħabba li l-każ tiegħu għadu wieħed pendenti quddiem il-Qorti Kriminali.

Tony Curmi qed jiġi akkużat b’żewġ Kapi ta’ akkuża dik ta’ traffikar u pusses aggravat ta’ tar-raża meħuda mill-pjanta tal-cannabis f’ammont ta’ kważi żewġ kilos li dak iż-żmien fis-suq kienet iġġib is-somma ta’ €45,888, liema droga kellha purità ta’ seba’ fil-mija.

Il-prosekuzzjoni qed tallega li fit-22 ta’ Novembru 2014 il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ kontra d-Droga kienu qegħdin isegwu lil Tony Curmi u dan fuq informazzjoni kunfidenzjali li kienu rċevew li huwa kien qed imexxi d-droga minn ġewwa garaxx f’Ħal Tarxien.

L-ewwel kienet saret tfittxija fil-karozza tal-akkużat li rriżultat fin-negattiv. Minkejja dan il-Pulizija baqgħu għassa mal-istess garaxx sabiex jissorveljaw kull moviment li seta’ jseħħ fl-istess post. Ftit tal-ħin wara, fl-istess ġurnata, Curmi rritorna fl-istess garaxx u ftit wara waslet ukoll terza persuna, li aktar tard ġiet identifikata bħala Wayne Grima, li kienet daħlet fl-istess garaxx u ftit wara ħarġet u f’idejha kellha basket abjad.

Grima pprova jitlaq minn fuq il-post permezz ta’ karozza fejn iżda mill-ewwel kien twaqqaf mill-Pulizija. Wara tfittxija fil-karozza, instab il-baskett li kien ħareġ bih Wayne Grima mill-garaxx ta’ Tony Curmi, li nstab fuq is-seat tal-passiġġier tal-istess karozza, li kien fih id-droga.

Saret tfittxija wkoll fil-garaxx tal-akkużat fejn hemm ġew elevati xi boroż relatati mad-droga kif ukoll mgħarfa b’xi traċċi ta’ sustanza. L-espert tal-Qorti minn analiżi li għamel sab li l-cannabis li nstabet fil-karozza ta’ Wayne Grima, li mhux se jixhed f’dawn il-proċeduri kellha s-sutanza tetrahydrocannabinol, f’ammont ta’ 1.912 kilos.

Il-prosekuzzjoni qalet li Grima kien ġie mitkellem mill-Pulizija fejn ikkolabora ħafna magħhom u stqarr l-involviment tiegħu fil-każ u tenna li l-akkużat Tony Curmi, kien ċempillu fit-22 ta’ Novembru, 2014 u qallu biex imur jiġbor xi ħaġa mingħandu sabiex iżommilu.

Wayne Grima kien mar il-garaxx ta’ Curmi fejn dan kien għaddielu baskett abjad u reġa’ qallu sabiex iżommulu sabiex imbagħad iċempillu u jerġa’ jiġbru mingħandu. Meta ra hekk Grima rrealiżża li dak il-basket seta’ kellu fih id-droga u għalhekk mar malajr ħdejn  il-karozza tiegħu u poġġa l-baskett li kien tah fuq is-seat u pprova jitlaq minn fuq il-post, fejn sussegwentent twaqqaf mill-Pulizija.

Għal Curmi qegħdin jidhru l-Avukati Edward Gatt, Mark Vassallo u Ishmael Psaila. Il-Prosekuzzjoni qed titmeexa mill-Avukati Anthony Vella u Sean Gabriel Scerri de Caro. Il-każ kien investigat mill-eks Spettur tal-Pulizija Herman Mula, llum avukat.