Lokali

Tfajla ta’ 17-il sena bi ġrieħi gravi wara inċident f’Għawdex

Inċident f’Għawdex ħalla tfajla ta’ 17-il sena bi ġrieħi gravi kif ukoll żewġ żgħażagħ oħra bi ġrieħi ħfief.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-00:45 meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien seħħ inċident tat-traffiku fi Triq ir-Rabat Marsalforn.

Minn stħarriġ preliminari rriżulta li ġuvni ta’ 19-il sena residenti x-Xewkija tilef il-kontroll ta’ Toyota Corsa li kien qiegħed isuq u ħabat ma’ container. Fil-vettura miegħu kien hemm ukoll tfajla ta’ 16-il sena residenti San Ġwann u tfajla oħra ta’ 17-il sena residenti l-Iklin.

Huma ngħataw l-assistenza minn tim mediku u ttieħdu l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex b’ambulanza.

Aktar tard, it-tfajla ta’ 17-il sena ġiet iċċertifikata bi ġrieħi gravi filwaqt li l-oħrajn sofrew minn ġrieħi ta’ natura ħafifa.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.