Coronavirus Lokali Saħħa

Wara l-pressjoni tal-PN…il-Gvern se jbiddel l-Avviż Legali tal-kwarantina

Il-Gvern spiċċa dahru mal-ħajt dwar il-kwistjoni tal-kwarantina fil-lukandi, tant li għada mistennija jitħabbru tibdiliet. Dan wara li l-Kap tal-PN Bernard Grech appella għal “miżuri proporzjonati u raġjonevoli”.

Fil-fatt, Bernard Grech qal illi ma jagħmilx sens li min għandu residenza f’Malta imur jagħmel kwarantina f’lukanda – u jispiċċa jħallas mijjiet ta’ ewro.

Wara ġimgħat sħaħ titħaddem din is-sistema, kien biss issa li Chris Fearne irreaġixxa; meta fil-fatt kibret il-perssjoni pubblika, speċjalment frott tal-istorja li qasam man-nies l-influencer Daniel Umanah.

Issa, il-Ministru tas-Saħħa qed jgħid li se jħabbar tibdil fil-proċess tal-kwarantina. Dan it-tibdil se jitħabbar għada.

F’post fuq il-media soċjali, il-Kap tal-PN Bernard Grech qal li r-residenti Maltin ikunu sfurzati jħallsu €1,400 biex jagħmlu kwarantina f’lukanda, meta dawn ikollhom residenza alternattiva, hija miżura drakonjana u eċċessiva.Infatti, l-ebda pajjiż tal-Unjoni Ewropea ma jagħmel dan.

Huwa kompja jgħid li din il-mossa qed tiġi kkontestata wkoll mill-perspettiva ta’ drittijiet umani. Jekk din il-kawża fil-Qorti tikseb suċċess, il-flus għar-rifużjoni ta’ dawn il-ħlasijiet u potenzjalment għad-danni morali, jinħarġu mill-bwiet taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Bernard Grech saħaq li l-Gvern apparti li se jkun qed ibiddel din il-politika għada, kif Chris Fearne wiegħed li jagħmel wara l-pressjoni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, qed jistenna rifużjoni immedjata lil dawk ir-residenti Maltin kollha li kienu sfurzati f’sitwazzjoni bħal din. “Il-Gvern hemm bżonn jieqaf joħroġ b’regoli li ma jħarsux id-drittijiet tal-bniedem u jesponu liċ-ċittadin Malti.”