Sport Waterpolo

Anthony Farrugia u t-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena tal-waterpolo – sempliċiment fenomenali

Rapport: Stewart Said

MALTA…………… 8

TURKIJA………… 8

(Malta tirbaħ 5-3 bl-għoti tal-penalties)

(2-4), (0-2), (1-2), (5-0)

Għal mumenti twal tal-logħba, deher kollox mitluf. Sessjoni fenomenali u wasslet biex it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena sforza l-għoti tal-penalties u ħareġ rebbieħ kontra t-Turkija. B’dan ir-riżultat, iż-żgħażagħ Maltin aċċertaw ruħhom minn post mal-aqwa 14 tal-Ewropa.

It-tim Malti prattikament lagħab eċċezzjonali biss fl-aħħar sessjoni, iżda urew karattru wara li kienu fi żvantaġġ ta’ ħames gowls. Il-kowċ Anthony Farrugia kellu 12-il plejer biss fl-iskwadra wara li Mark Demarco, Nico Schiavone u Russell Spiteri ma kinux fit-tim minħabba raġunijiet dixxiplinarji.

It-Torok fetħu l-iskor minn Omer Sayli iżda Alec Fenech ġab id-draw. Iżda permezz ta’ żewġ penalties minn Sayli u Efe Kuloglu u gowl ieħor mill-istess Kuloglu, taw vantaġġ ta’ 4-1 lit-Torko. Fenech reġa’ skorja għat-tim Malti minn penalty. Il-vantaġġ favur it-Torok kiber għal erba’ gowls hekk kif ikkonvertew b’suċċess tnejn mit-tliet okkażjonijiet li kellhom ta’ raġel aktar.

B’riżultat ta’ 6-2, wieħed kien qed jistenna reazzjoni miż-żgħażagħ Maltin iżda ma kinux preċiżi u kompatti biżżejjed biex inaqqsu d-distakk. Il-gowl tat-8-3 skorjat minn Burak Sari lejn nofs it-tielet sessjoni, deher li prattikament għalaq il-logħba iżda fl-aħħar sessjoni l-istorja kienet differenti.

It-tim Malti stenbaħ fl-aħħar sessjoni u rnexxielu jħalli l-logħba miftuħa sal-aħħar sekondi. Attakk wara l-ieħor u gowl isbaħ minn ieħor. Alec Fenech skorja fl-ewwel minuta tas-sessjoni, Jayden Cutajar naqqas id-distakk ftit b’xutt mid-distanza u daqstant ieħor kien sabiħ ix-xutt ta’ Daniel Rizzo. Bl-għajnuna tal-partitarji Maltin preżenti, iż-żgħażagħ ta’ Anthony Farrugia baqgħu jemmnu u l-gowl mis-centre ta’ Jake Cachia minuta mit-tmiem fetaħ il-logħba beraħ.

Fl-aħħar minuta, attakk tat-Turkija, jitilfu l-pussess u l-kowċ Malti Anthony Farrugia bi bravura sejjaħ time-out. Attakk blokkat, il-pussess baqa’ għall-Maltin u prattikament bl-aħħar azzjoni, Sam Gialanze sammar il-ballun wara l-gowlkiper Tork u tefa’ l-logħba għall-għoti tal-penalties.

Fl-għoti tal-penalties, Guner Caner, Omer Sayli u Efe Kuloglu skorjaw għat-Turkija, bix-xutt ta’ Burak Sari ħabat mal-wieqfa. Għat-tim Malti skorjaw Matthew Mifsud, Alec Fenech, Jayden Cutajar u Daniel Rizzo, b’Sam Gialanze jiskorja l-penalty deċiżiv.

Malta: G. Borg, M. Mifsud, R. Caruana (1), D. Rizzo (1), J. Cachia (1), L. Mallia, J. Cutajar (1), K. Borg, S. Azzopardi, A. Fenech (3), S. Gialanze (1), S. Mifsud

Turkija: A. Sayli, B. Sari (1), E. Ercikdi, E. Cetin, E. Naipoglu, M. Karabenli, E. Kuloglu (3), O. Alpman, G. Caner, O. Sayli (4), H. Sarac, K. Caferli, K. Zobu

Referees: Levan Berishvili (Georgia), Mihnea Alexandrescu (Rumanija)