Lokali

“Bżonn ta’ kultura ta’ integrità pubblika” – George Hyzler

Proġett biex jisaħħu l-integrità u t-trasparenza fil-pajjiż xprunat mill-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika

L-integrità pubblika trid tkun ibbażata fuq il-fiduċja tal-poplu f’min imexxih u jirrappreżentah; il-bażi ta’ demokrazija li pajjiż għandu jiffunzjona biha.

Hekk intqal f’konferenza tal-aħbarijiet fejn ġie ppreżentat pjan sħiħ ta’ proġett xprunat u mmexxi mill-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika bil-kollaborazzjoni tal-OECD u l-Kummissjoni Ewropea sabiex tissaħħaħ l-integrità u t-trasparenza f’Malta bil-għan li l-pubbliku jerġa’ jkollu fiduċja fil-politiċi, s-settur pubbliku jkun aktar effiċjenti u sussegwentament l-ekonomija terġa’ tiġi fuq saqajha.

Ġie spjegat li minn dan il-proġett, li għandu jieħu mas-sentejn sabiex jitlesta wara diversi konsultazzjonijiet kemm mal-Gvern u l-Oppożizzjoni kif ukoll mas-Soċjetà Ċivili u diversi stakeholders, se jkunu qed jissaħħu numru ta’ aspetti fis-socjeta’ taghna.

Fosthom se jkun qed jiġi aġġornat il-kodiċi tal-etika għall-membri tal-Parlament fejn sussegwentament id-Deputati, Segretarji Parlamentari u Ministri se jkunu qed jingħataw ktejjeb tal-kodiċi sabiex jimxu pari passu miegħu.  Ġie spjegat li se jingħata anke taħriġ fuq ir-reviżjonijiet tal-Kodiċi.

Dan filwaqt li hemm ukoll il-ħsieb li jinħoloq ukoll reġistru ta’ integrità ….fejn Membri Parlamentari jkunu jridu jirreġistraw kemm rigali li jirċievu kif ukoll benefiċċji u ospitalità.

Hekk ukoll għandu jinħoloq reġistru ta’ trasparenza fejn jitniżżel kull forma ta’ lobbying. Dan kollu se jkun qed jinkludi wkoll gwida għall-użu tal-midja soċjali mill-persuni f’pożizzjoni pubblika

Ghaliex fi kliem il-Kummissarju Hyzler…. jekk politiku m’għandu xejn x’jaħbi, m’għandux għalfejn ikollu problema li jiddikkjara dak li jseħħ fl-ambitu tal-pożizzjoni li jokkupa.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika saħaq li l-unika mod biex tiġbed nies validi lejn il-politika hija billi jkunu jafu x’inhu mistenni minnhom… mingħajr ebda biża’. 

Dan filwaqt li saħaq li b’impenn sħiħ se jkompli jwettaq il-viżjoni tiegħu minkejja xi ostakoli li jaf iħabbat wiċċu magħhom.

Tul din il-konferenza il-messaġġ li f’pajjiżna hemm bżonn ta’ bidla fil-kultura kien wieħed insistenti, partikolarment b’żieda fl-integrità li għandha ssawwarna bħala poplu. Dan hekk kif il-poplu għandu bżonn li jżomm skrutinju fuq il-membri parlamentari li jirrappreżentawh biex iżommuhom in-check.

Dan il-progett tal-Kummissarju tal-istandars qed isir bl-appoġġ sħiħ tal-Kummissjoni Ewropea.