Minkejja l-għajta tal-Partit Laburista aktar minn tmien snin ilu li se jiġġieled il-korruzzjoni, qed ikun aktar evidenti li l-Partit ta’ Robert Abela beħsiebu jkompli jagħmel minn kollox biex ma jiġġilidx din il-pjaga.
Tant hu hekk li, wara xahar u nofs, Abela għadu ma talabx lil Edward Zammit Lewis jirriżenja. U min-naħa tiegħu, lanqas il-Ministru nnifsu ma għandu f’moħħu jirriżenja mill-Kabinett.
Aktar minn xahar u nofs ilu, kien żvelat li Zammit Lewis kien jikkomunika mill-qrib ma’ Yorgen Fenech, li hu akkużat bil-kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Fost l-oħrajn, Zammit Lewis kien qal ukoll li dawk fil-Kabinett Laburista huma tfal u pożi, kif ukoll li l-Laburisti huma Ġaħan – komunikazzjoni li saret WARA illi kien hareg fil-pubbliku li Fenech hu s-sid ta’ 17 Black.
Iżda wara daqstant ġimgħat minn meta ġiet żvelata r-rabta mill-qrib ma’ Yorgen Fenech, Edward Zammit Lewis qed jibqa’ jgħid li mhux se jirriżenja.
Minflok, il-Ministru pprova jserraħ ras in-nies li kulmin qed ikun abbinat ma’ xi korruzzjoni qed ikun arrestat.
Minn dakinhar li kienu żvelati ċ-chats, il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Governanza sparixxa minn kwalunkwe attività pubblika, tant li l-media kellhom bżonn jistennewh joħroġ mill-ewwel attività pubblika li attenda għaliha fl-aħħar xahar u nofs. Iżda meta mistoqsi direttament dwar dan, Edward Zammit Lewis ċaħad li qed jahrab lill-media.
Il-verita’ hi li fl-aħħar snin, kienu diversi l-esponenti tal-Partit Laburista li nfexxew f’attakki diretti fil-konfront tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika … fosthom il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield, l-eks President tal-Partit Manwel Cuschieri u l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela. U issa….biex jgħatti xtur sħabu…. il-Ministru Edward Zammit Lewis ftaħar biss li dan l-Uffiċċju nħoloq mill-Gvern.
Sadanittant, Zammit Lewis baqa’ johrog ghonqu anke ghall-eks kollega tieghu fil-Kabinett Rosianne Cutajar. U minkejja ir-rabta ta’ bejniethom, hu qed jgħid li ma jarax kunflitt ta’ interess meta iddefendiha.
Dan kollu fost każi ġodda ta’ korruzzjoni li ta’ spiss qed ikunu żvelati mill-media, bil-Partit Laburista ta’ Robert Abela jagħmel minn kollox biex jiddefendi lil dawk li jkunu direttament involuti.
//= $special ?>