Lokali

Ħallas biex ġab u bagħat lura lill-istudenti … imma ma jridx irodd lura l-flus lill-Maltin

Wara li l-Gvern ħareġ il-mijiet tal-eluf biex ġab u bgħat lura lill-istudenti tal-Ingliż, issa qed jirriffjuta kategorikament li jrodd lura l-flus li ġgħiel lil residenti Maltin joħorġu minn bwiethom biex qagħdu maqfula f’lukandi għal perjodu ta’ kwarantina.

Ġimgħat ilu, il-Gvern kien għamilha obbligatorja għal Maltin jew residenti f’Malta li għandhom dar jew residenza f’pajjiżna u li jżuru pajjiżi fid-dark red zone li jqattgħu perjodu ta’ ħmistax f’lukandi apposta.

L-ispiża għal dan kienet ta’ €1,400 kull persuna. Persuni li qattgħu il-kwarantina tagħhom f’dawn il-lukandi ma kellhom xejn inkluż f’dan il-prezz – lanqas imqar it-tibdil ta’ xugamani w’ lożor.

Iżda aktar kmieni llum, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet ħabbar li dan mhux se jibqa’ obbligatorju. Madankollu ma tax raġuni valida għal dan it-tibdil.

Mistoqsi allura jekk il-Gvern hux se jkun qed jagħti lura l-flus lil kull min ġie obbligat joħroġ l-eluf għal xejn b’xejn, Fearne għamilha ċara li dan mhux se jiġri.