Internazzjonali

Iberraq fil-Palazz Presidenzjali Afgan

Qiegħed iberraq fil-Palazz Presidenzjali Afgan hekk kif rapporti qed jitkellmu dwar argument kbir li faqqa’ bejn mexxejja tat-Taliban dwar kif għandu jkun iffurmat il-Gvern il-ġdid immexxi minnhom.

Skont dak li qed jiġi rrappurtat, fl-aħħar sigħat, Mullah Abdul Ghani Baradar li huwa wieħed mill-fundaturi tal-gruppi kellu nuqqas ta’ qbil serju ma’ wieħed mill-membri tal-Kabinett.

Fl-aħħar ġimgħat, il-media kenet qed tirrapporta argumenti fit-tmexxija tat-Taliban, madankollu sa issa dawn ir-rapport kollha ġew miċħuda. Saħansitra kien hem rapporti li l-istess Baradar kien inqatel fi ġlied intern bejn gruppi rivali.

Wara li t-Taliban reġgħu ħatfu f’idejhom il-kontroll tal-Afganistan f’nofs Awwissu, huma bdew jiffurmaw Gvern ġdid.

Iżda minkejja l-wegħdi li n-nisa Afgani se jkunu qed jingħataw id-drittijiet tagħhom bħall-irġeil, il-kabinett maħtur b’mod temporanju ma nkludiex imqar mara waħda.

Intant fl-aħħar jiem żdiedu r-rapporti ta’ nisa u tfajliet Afgani li qed jippruvaw jaħarbu minn pajjiżhom. Dawk li ħadmu għall-Amerikani huma fost l-aktar f’riskju, hekk kif il-militanti tat-Taliban qed iduru bieb bieb ifittxu lil dawn in-nisa li skont huma ħadmu mal-‘għadu tal-Afganistan’.