Lokali

Il-bidwi mhux il-karita tal-Gvern għandu bżonn iżda tmexxija serja u deċiżjoniet mirquma

Ftit siegħat wara l-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista fejn tħabbru tliet proposti mirquma biex il-bdiewa li qed jiffaċċjaw it-telf tar-raba bi qbiela jkunu jistgħu jakkwistaw art bl-għajnuna tal-Gvern jew iħallsu l-qbiela b’sussidju, l-gvern Laburista ħareġ bi proposta nofsa moħmija fejn qed jipproponi li jgħin lill-bdiewa billi jħallas l-ispejjeż legali tal-kawżi ta’ żgombru.

Il-bidwi u l-imprenditur Malti mhux il-karità tal-Gvern għandu bżonn iżda soluzzjonijiet li jħarsu fit-tul.

Dan stqarru l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija fejn qal li hija redikola li l-Gvern li dam jittituba xhur sħaħ mingħajr ma jċaqlaq difer f’għajnuna għall-bdiewa li qed jitkeċċew mill-artijiet li jaħdmu bi qbiela jirreaġixxi bi proposta bħal din f’paniku b’reazzjoni għall-proposti studjati mħabbra mill-Partit Nazzjonalista li ġew milqugħa wkoll pubblikament minn għaqdiet ta’ bdiewa stess.

L-għajnuna tal-gvern li jħallas l-ispejjeż legali tal-bdiewa hija turija tan-nuqqas ta’ direzzjoni li għandu biex jaffronta sitwazzjoni delikata bħal din, fejn dak li hu meħtieġ huma miżuri organiċi u li jħarsu fit-tul biex il-bidwi u r-raħħal Malti jkun jista’ jassigura futur fit-tul għall-attivita’ tiegħu. Ma jiswa xejn li l-gvern iħallas l-ispejjeż tal-kawża jekk din tintitlef bħal ma ntilfu bosta oħrajn sa issa.

Mhux għaqli li l-Gvern jieħu pożizzjoni parzjali f’kawżi ċivili ta’ din in-natura. Huwa ferm aktar għaqli li l-Gvern jistudja tajjeb il-proposti imħabbra mill-Partit Nazzjonalista, li jirrispettaw ukoll id-drittijiet tas-sidien, u jersaq għal diskussjoni kif dawn jistgħu jitwettqu mill-aktar fis issa jew inkella dawn jitwettqu minn Gvern ġdid Nazzjonalista.