Lokali

Il-Gvern jikkonferma li se jitressqu żewġ uffiċjali tal-ħabs dwar il-mewta ta’ priġuniera żagħżugħa

Inqas minn 24 siegħa wara li l-preżentatur u opinjonista Peppi Azzopardi staqsa jekk hux vera li se jitressqu xi uffiċjali tal-ħabs b’rabta mal-mewt ta’ omm żagħżugħa li kienet priġuniera, il-Gvern ħareġ stqarrija jikkonferma dan.

Fl-istqarrija l-Gvern qal li l-Pulizija se tkun qed tressaq żewġ uffiċjali korrettivvi b’akkużi ta’ qtil involontarju.

Din l-aħbar xokkanti tikkonferma s-sitwazzjoni inkwetanti ferm li hemm fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin u titfa’ aktar dawl dwar il-metodoloġija li qed tintuża fil-ħabs.

Wara li kemm il-Ministru Byron Camilleri kif ukoll il-Prim Ministru Robert Abela għamlu x-xhur jiddefendu lit-tmexxija tal-ħabs, issa il-l-Maġistrat Inkwerenti sabet nuqqasijiet fil-konfront taż-żewġ uffiċjali korrettivi.

Il-ħaddiema konċernati ġew sospiżi b’mod immedjat u issa huma wkoll soġġetti għall-proċeduri quddiem il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.

Issa wieħed jistenna wkoll dawk li se jkunu r-rizultati ta’ inkjesta li ntalbet mill-Gvern stess fil-mod kif qed titmexxa din il-faċilità suppost korrettiva. L-inkjesta mistennija titlesta fil-bidu ta’ Ottubru.