Internazzjonali

“Il-UE teħtieġ liġi li tiżgura l-protezzjoni fuq il-media u l-ġurnalisti”

L-Erbgħa filgħodu l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen indirizzat l-avveniment annwali tal-Istat tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu. Dan huwa l-għaxar stat tal-Unjoni, kif ukoll t-tieni wieħed li ġie indirizzat minn Von Der Leyen. Filwaqt li ħarset lura lejn dawn l-aħħar tnax-il xahar ta’ ħidma, hija ddeskriviet l-għanijiet għall-Unjoni Ewropea għas-sena li ġejja.

Waqt id-diskors annwali tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen fakkret fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne caruana Galizia u tat ġieh lilha kif ukoll lil numru ta’ ġurnalisti li ġew maqtula fl-aħħar snin, fosthom il-ġurnalist Slovakk Ján KuciakJán Kuciak u l-ġurnalist Olandiż Peter de Vries.

Von der Leyen saħqet li l-Unjoni Ewropea teħtieġ liġi li tiżgura l-protezzjoni fuq il-media u l-ġurnalisti filwaqt li tenniet li jekk l-pajjiżi tal-UE jiddefendu l-midja, ikunu qed jiddefendu wkoll d-demokrazija… u b’hekk is-saltna tad-dritt tkun garantita, fejn id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet jiġu rispettati mhux biss mill-Istat imma wkoll minn kull individwu, fejn kulħadd jitqies ndaqs quddiem il-liġi.

F’tema differenti, Ursula Von der Leyen fakkret fl-għargħar u nirien li seħħew matul is-sajf f’diversi pajjiżi, kif ukoll b’referenża għar-rapport maħruġ mill-IPCC ippubblikat reċentement, hija qalet li t-tibdil fil-klima huwa magħmul biss mill-bniedem, u peress li huwa magħmul mill-bniedem, nistgħu nagħmlu xi ħaġa dwaru. Hija saħqet li jekk ma nemmnux lil għajnejna stess, irridu nsegwu x-xjenza.

Von der Leyen sostniet li l-Unjoni Ewrope se tipproponi €4 biljuni addizzjonali għall-finanzjament tal-klima għall-pajjiżi li vulnerabbli sabiex ilaħħqu mal-bidla fil-klima. Iżda von der Leyen żiedet tgħid li wasal iż-żmien li pajjiżi kbar bħal l-Istati Uniti irridu wkoll iżidu fl-appoġġ tagħhom. Pajjiżi relattivament sinjuri, inklużi s-27 membru tal-UE, għandhom l-obbligu li jgħinu nazzjonijiet fil-bżonn fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Ursula Von Der Leyen tkelmet ukoll dwar il-pjan tal-irkupru mill-pandemija tal-Covid-19. Hija stqarret kif madwar 70% tal-poplu adult fl-Unjoni Ewropea huwa mlaqqam. Madankollu l-Unjoni Ewropea trid tkompli tgħin sabiex twassal il-vaċċin madwar id-dinja sabiex tiġi evitata kriżi tas-saħħa qalb dawk li mhumiex imlaqqmin. Fil-fatt, Von Der Leyen qalet li l-Unjoni Ewropea se tkun qed tagħmel donazzjoni oħra ta’ 100 miljun doża tal-vaċċin.

Ursula Von Der Leyen proponiet ukoll missjoni li tipprepara lill-Unjoni Ewropea f’każ ta’ pandemija ġdida u li se tkun sostnuta b’€50 biljun sas-sena 2027.

Intant, fid-diskors annwali tagħha, Von der Leyen wegħdet aktar għajnuna umanitarja għall-Afganistan. “Se nerġgħu nżidu l-għajnuna umanitarja lill-Afganistan b ‘€ 100 miljun. Dan apparti l-pakkett umanitarju ta ‘€ 200 miljun li diġà kien imħabbar fil-ġranet li għaddew.