Lokali Qorti

Isir l-aċċess f’garaxx fejn instabet id-droga fl-2014 fil-ġuri ta’ raġel minn Ħal Tarxien

Meta il-ġuri dwar traffikar ta’ droga fl-2014 daħal fit-tieni jum tiegħu l-qofol kien l-aċċess li sar f’garaxx fejn instabet id-droga ġewwa Ħal Tarxien. Tony Curmi ta’ 38 sena minn Ħal Tarxien, magħruf bħala l-“Bilbla” qed jiġi mixli li f’Novembru ta’ seba’ snin ilu ttraffika minn garaxx żewġ kilos droga cannabis.

Preżenti għall-aċċess flimkien mal-akkużat kien hemm il-ġurati fejn dawn jingħataw stampa aktar ċara ta’ kif seħħ l-allegat traffikar, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, l-Avukati ta’ Curmi – Edward Gatt, Mark Vassallo u Ishmael Psaila kif ukoll l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Avukati Anthony Vella u Sean Gabriel Scerri de Caro mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Tony Curmi qed jiġi akkużat b’żewġ Kapi ta’ akkuża dik ta’ traffikar u pusses aggravat ta’ tar-raża meħuda mill-pjanta tal-cannabis f’ammont ta’ kważi żewġ kilos li dak iż-żmien fis-suq kienet iġġib is-somma ta’ €45,888, liema droga kellha purità ta’ seba’ fil-mija.

Il-Prosekuzzjoni qed tgħid li fit-22 ta’ Novembru 2014 il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ kontra d-Droga kienu qegħdin isegwu lil Tony Curmi u dan fuq informazzjoni kunfidenzjali li kienu rċevew li huwa kien qed imexxi d-droga minn garaxx f’Ħal Tarxien.

L-ewwel kienet saret tfittxija fil-karozza tal-akkużat li rriżultat fin-negattiv. Minkejja dan il-Pulizija baqgħu għassa mal-istess garaxx sabiex jissorveljaw kull moviment li seta’ jseħħ fl-istess post. Ftit tal-ħin wara, fl-istess ġurnata, Curmi rritorna fl-istess garaxx u ftit wara waslet ukoll terza persuna, li aktar tard ġiet identifikata bħala Wayne Grima, li kienet daħlet fl-istess garaxx u ftit wara ħarġet u f’idejha kellha basket abjad.

Grima pprova jitlaq minn fuq il-post permezz ta’ karozza fejn iżda mill-ewwel kien twaqqaf mill-Pulizija. Wara tfittxija fil-karozza, instab il-baskett li kien ħareġ bih Wayne Grima mill-garaxx ta’ Tony Curmi, li nstab fuq is-seat tal-passiġġier tal-istess karozza, li kien fih id-droga.

Saret tfittxija wkoll fil-garaxx tal-akkużat fejn hemm ġew elevati xi boroż relatati mad-droga kif ukoll mgħarfa b’xi traċċi ta’ sustanza. L-espert tal-Qorti minn analiżi li għamel sab li l-cannabis li nstabet fil-karozza ta’ Wayne Grima, li mhux se jixhed f’dawn il-proċeduri kellha s-sutanza tetrahydrocannabinol, f’ammont ta’ 1.912 kilos.

Il-fatt li Grima mhux se jixhed qed jitqies bħala lapsus minn naħa tal-Avukat Ġenerali u dan minħabba li dan għadu m’għaddhiex ġuri fuq il-każ peress li kien ġie mixli wkoll flimkien ma’ Curmi. Fil-fatt diġa ġie dikjarat bħala xhud inamissibbli u lanqas li kieku ma ġarax hekk, l-Avukati tiegħu kienu diġa tawh struzzjonijiet biex ma jixhidx biex ma jinkriminax lilu nniffsu.

Il-prosekuzzjoni qed tgħid li Grima kien ġie mitkellem mill-Pulizija fejn ikkolabora ħafna magħhom u stqarr l-involviment tiegħu fil-każ u tenna li l-akkużat Tony Curmi, kien ċempillu fit-22 ta’ Novembru, 2014 u qallu biex imur jiġbor xi ħaġa mingħandu sabiex iżommilu.

Wayne Grima kien mar il-garaxx ta’ Curmi fejn skont hu dan kien għaddielu baskett abjad u reġa’ qallu sabiex iżommulu sabiex imbagħad iċempillu u jerġa’ jiġbru mingħandu. Meta ra hekk Grima rrealiżża li dak il-basket seta’ kellu fih id-droga u għalhekk mar malajr ħdejn  il-karozza tiegħu u poġġa l-baskett li kien tah fuq is-seat u pprova jitlaq minn fuq il-post, fejn sussegwentent twaqqaf mill-Pulizija.

Fost ix-xhieda tat-Tlieta kien hemm numru ta’ Pulizija li kellhom x’jaqsmu mal-każ u fornituri ta’ servizzi tal-mobajl li ntalbu mill-Pulizija biex jagħtuhom informazzjoni dwar il-każ. Ta’ min jinnota wkoll il-fatt li il-ġurija dejjem tkun komposta minn 12-il ġurat, disa’ li jridu jiddeċiedu fuq il-verdett u tliet supplenti (ta’ riżerva).

Madankollu fl-awla u anke għall-aċċess qed ikunu 11-il ġurati peress li ftit wara li dawn ħadu l-ġurament tal-ħatra nhar it-Tlieta, wieħed mill-ġurati ma ħassux f’sikktu u ntbagħat id-dar mill-Imħallef Scerri Herrera. Dan imbagħad ġie sostitwit min wieħed mis-supplenti.