Lokali

Ma jsirx żvilupp f’ODZ jekk mhux bl-approvazzjoni tal-Parlament biż-żewġ terzi – PN

Gvern Nazzjonalista jiżgura li l-ebda żvilupp ġdid ma jsir fuq art ODZ, dan hu l-impenn ċar ta’ Bernard Grech. Dan huwa l-impenn tal-Partit Nazzjonalista.

F’konferenza tal-aħbarijiet fiż-Żonqor, Wied il-Għajn, il-kelliem ewlieni tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius, u l-kandidati għall-elezzjonijiet ġenerali Justin Schembri u Bernice Bonello spjegaw din il-proposta b’eżempju ta’ x’qed jagħmel Gvern Laburista.

Ġie spjegat li fiż-Żonqor, il-gvern laburista tah lil investituri barranin mill-Ġordan biex jibnu 3 campus u dormitorju ta 800 sodda – lukanda ġdida fuq art verġni. Dan għal Università fantażma. Kif diġá ġie spjegat Gvern ġdid Nazzjonalista jieħu din l-art lura u jerġa jtiha lill-poplu Malti u Għawdxi.

Il-kelliema spjegaw kif bil-proposta tal-Partit Nazzjonalista l-ebda art ODZ ma tiġi żviluppata sakemm il-proġett ma jiġix approvat minn żewġ terzi tal-Membri Parlamentari. Din il-proposta timmira li trażżan l-abbuż, mhux li tikkastiga jew tippersegwita lill-Maltin u l-Għawdxin li għandhom kamra ġo għalqa jew dar bil-permessi f’ODZ.

Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun gvern li jiprijoratizza l-ambjent għalhekk dawk li huma proġetti żgħar privati koperti bil-policy tal-ippjanar ser jibqgħu koperti bil-policies tal-ippjanar. Dak li huwa permissibbli fir-raba llum ser jibqa’ permessibli – l-impenn tagħna li nissuġġettaw l-iżvilupp f ODZ għall-maġġoranza ta’ żewġ terzi jieħu ħsieb li ma jkunx hemm abbuż tas-sistema, speċjalment proġetti b’interferenza jew imbuttatura politika.

Il-partit mhux biss irid jara li ma jsirx żvilupp fuq l-art ODZ iżda jiżgura li jkun hemm aktar spazji miftuħa għall-pubbliku madwar il-gżira kollha. Ftit jiem ilu l-Partit Nazzjonalista ħabbar proposti innovattivi dwar spazji miftuħa.